Navigation path

Additional tools

Inforegio-Newsroom

OPEN DAYS: Ir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa jibdew il-vjaġġ għall-2020 u jinvestu fit-tkabbir

(04/10/2013)

OPEN DAYS: Ir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa jibdew il-vjaġġ għall-2020 u jinvestu fit-tkabbir

Aktar minn 5,500 rappreżentanti reġjonali u urbani minn madwar l-Ewropa, se jkunu qed jaqsmu l-opinjonijiet u l-approċċi dwar kif il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ investimenti taħt il-politika reġjonali tal-UE tista’ terġa' tqiegħed lill-Ewropa lura fit-triq lejn it-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tisħiħ tal-kompetittività.

Il-11-il "OPEN DAYS - Ġimgħa Ewropea tar-reġjuni u l-ibliet" se sseħħ mis-7 sal-10 ta' Ottubru fi Brussell. L-attività ta’ erbat ijiem li hija l-akbar tax-xorta tagħha, se ġġib flimkien lil dawk li jfasslu l-politiki, il-politiċi u l-esperti biex jiddiskutu kwistjonijiet ewlenin li jiffaċċjaw il-Politika Reġjonali tal-UE llum. Hija se ssir hekk kif riformi fundamentali għall-politika qed jiġu ffinalizzati u l-ippjanar għall-programmi 2014-20 qed jilħaq fażi kritika. Ospitat minn Johannes Hahn, il-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali u Ramón Luis Valcárcel, il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni, l-avveniment se jinfetaħ minn José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea. Is-sessjoni tal-ftuħ se tinkludi dibattitu b'numru ta' parteċipanti dwar ir-rwol ċentrali tal-Politika Reġjonali tal-UE biex tixpruna l-irkupru u t-tkabbir tal-Ewropa.

F'diskors ta' qabel l-avveniment, il-Kummissarju Hahn stqarr: “L-OPEN DAYS ta’ din is-sena, hija l-punt tat-tluq għal kif ninvestu u nippjanaw il-fondi tagħna matul is-seba’ snin li ġejjin. OPEN DAYS 2013 qed issir f’mument deċiżiv għall-politika reġjonali tal-UE. In-negozjati dwar ir-riforma tal-Politika huma f’fażi finali, filwaqt li reġjuni qegħdin jaħdmu mill-qrib ħafna mas-servizzi tal-Kummissjoni biex iħejju t-triq u jippreżentaw l-istrateġiji tagħhom għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi. Il-Politika l-ġdida, riformata tagħna toffri lir-reġjuni opportunità reali biex jinvestu fil-ġejjieni tat-tkabbir u l-prosperità. Dan ifisser li nimmiraw lejn prijoritajiet tal-investiment iżda fl-istess ħin nibnu fuq il-punti ta' saħħa individwali tal-bliet u r-reġjuni tagħna. Nistenna bil-ħerqa d-diskussjoni tagħna dwar kif il-Politika Reġjonali tista’ tgħin tittrasforma l-bliet u r-reġjuni tagħna, u tagħmilhom aktar kompetittivi u tgħinhom jiġġeneraw it-tkabbir u joħolqu l-impjiegi.”

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni Valcárcel żied jgħid: “Politika ta’ koeżjoni riformata qiegħda tissawwar u għandha l-missjoni li tipprovdi malajr kemm jista’ jkun għodda effettiva biex tappoġġja l-irkupru u tagħti spinta lill-impjiegi. Ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali jinsabu f'tellieqa kontra l-ħin biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ investiment 2014-2020 tibda matul is-sena li ġejja. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa impenjat bis-sħiħ biex jgħin lir-reġjuni jirbħu din it-tellieqa filwaqt li jipprovdu l-ogħla kwalità ta’ proġetti u strateġiji. F’din il-perspettiva, l-OPEN DAYS 2013 se jkunu opportunità kruċjali għall-atturi prinċipali tal-politika reġjonali biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-istrumenti u r-regoli l-ġodda, kif ukoll jiskambjaw l-aħjar ideat biex jipprovdu t-tkabbir fir-reġjuni tagħna.”

 

Din is-sena OPEN DAYS għandha l-islogan “Ir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa jibdew il-vjaġġ għall-2020”, b’100 grupp ta’ ħidma li jiffukaw fuq it-temi li ġejjin:

  • Il-ġestjoni tal-bidla 2014-2020: Approċċi innovattivi biex nissodisfaw il-prijoritajiet futuri tal-investiment, (pereżempju investiment territorjali integrat, pjanijiet ta’ azzjoni konġunta, kwistjonijiet ta’ governanza, strumenti finanzjarji, eċċ.).
  • Sinerġiji u kooperazzjoni: bejn id-diversi politiki tal-UE, nazzjonali u reġjonali u l-użu flimkien ta' sorsi differenti ta’ finanzjament. Diversi approċċi differenti lejn il-kooperazzjoni se jiġu eżaminati, bħal strateġiji makroreġjonali, jew bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u muniċipali u istituzzjonijiet esperti.
  • Sfidi u soluzzjonijiet: L-isfidi komuni li jiffaċċjaw iż-żoni reġjonali u urbani tal-Ewropa jiġu vvalutati u jiġu proposti soluzzjonijiet prattiċi, pereżempju: l-aċċess tal-SMEs għall-kreditu u għas-swieq globali, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-isfidi demografiċi, l-iskart, l-ilma u l-ġestjoni tar-riskji naturali, il-konġestjoni, it-tniġġis jew il-konsum għoli ta’ enerġija.

Il-punti ewlenin tal-programm

Il-President Valcárcel u l-Kummissarju Hahn se jospitaw roundtable fis-7 ta' Ottubru fis-13:30 fil-Kumitat tar-Reġjuni.

Dsatax-il finalist li qed jikkompetu f’erba’ kategoriji għall-Premjijiet RegioStars 2014 se jkunu esposti matul sessjoni ta' ħidma ta' ġurnata sħiħa fil-bini Charlemagne, Brussell.

Preżentazzjoni ta’ "il-kwalità tal-ħajja fil-bliet Ewropej” — Sejbiet ewlenin tal-Istħarriġ ta' 41,000 ċittadin minn 79 belt tagħti opinjonijiet dwar il-ħajja urbana: It-Tlieta, it-8 ta' Ottubru, 16:30 – 17:15 fil-Berlaymont, il-kamra Schuman.

L-esibizzjoni "Mitt soluzzjoni urbana tal-UE" inawgurata mill-Kummissarju Hahn u minn Rudi Vervoort, il-President tar-Reġjun Brussell-Kapitali fil-17:00, it-Tlieta t-8 tax-xahar fi Place Jean Rey, Brussell, u bosta avvenimenti ta' netwerking se jseħħu fis-serata tat-8 ta' Ottubru fi 12-il post ieħor matul ir-rotta tal-esibizzjoni.

Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni tar-ritratti tal-2014 "l-Ewropa fir-reġjun tiegħi" mill-Greċja, l-Ungerija u Malta se jiġu ppreżentati bil-premjijiet tagħhom mill-Kummissarju Hahn nhar l-Erbgħa d-9 tax-xahar fil-11:15 fil-bini Charlemagne.

Element ġdid fl-OPEN DAYS ta' din is-sena huwa Master Class għal 77 student tad-dottorat u riċerkaturi fil-bidu tal-karriera magħżula fil-qasam tal-politika reġjonali u urbana.

Flimkien mas-seminars ta’ Brussell, aktar minn 300 avveniment taħt il-bandiera “L-Ewropa fir-reġjun jew fil-belt tiegħi” qed jinżammu sa Diċembru 2013.

Għal aktar tagħrif:

@EU_Regional / @EU_CoR / @JHahnEU: #euopendays - All photos on Flickr

OPEN DAYS, European week of regions and cities

Programm tal-midja

Reġjuni Msieħba skont il-pajjiż

EU Regional Policy: Stay informed