Navigation path

Additional tools

Inforegio-Newsroom

Tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv: Bliet Kapitali tal-UE – imsieħba essenzjali għall-Ewropa 2020

(03/03/2013)

Tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv: Bliet Kapitali tal-UE – imsieħba essenzjali għall-Ewropa 2020

L-ibliet kapitali għandhom rwol kruċjali fil-benesseri tal-UE u l-Istati Membri tagħha. L-ibliet kapitali tal-Ewropa huma mhux biss parti kbira tal-immaġni tal-UE ‘l barra minn xtutha, l-identità kulturali u l-attrazzjoni tagħha, imma muturi b’saħħithom għall-kompetittività, l-impjiegi u l-innovazzjoni. Fl-istess ħin wieħed isib fihom konċentrazzjoni tal-problemi fl-Ewropa, fosthom biż-żieda ta’ diverġenzi soċjali u ekonomiċi. L-ibliet kapitali huma l-laboratorji fejn iridu jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi soċjali u ekonomiċi tal-UE.   

Aħna s-Sindki tal-ibliet kapitali tal-UE għalhekk nilqgħu l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ djalogu dirett mal-ibliet kapitali u biex jingħata profil ogħla lill-ibliet tagħna bħala l-imsieħba diretti għall-UE. L-għanijiet ta’ Ewropa 2020 ma jistgħux jintlaħqu mingħajr l-involviment attiv tagħna. L-ibliet kapitali huma muturi ta’ innovazzjoni u ta’ tkabbir intelliġenti, u ħafna drabi jipprovdu l-qalba għal netwerks edukattivi u xjentifiċi. L-ibliet kapitali huma indispensabbli għat-tkabbir sostenibbli peress li l-politiki tagħhom dwar it-trasport, l-enerġija u l-ambjent għandhom impatt deċiżiv. L-ibliet kapitali tagħna huma fil-qofol tal-isforzi għat-tkabbir inklussiv: bħala ċentri ta’ diversità soċjali, kulturali u etnika.

Se nkomplu nagħmlu l-parti tagħna fil-promozzjoni tal-kompetittività, it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u l-inklużività, sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali attwali. 

Fid-dawl ta’ diskussjonijiet attwali dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020, ir-Regolamenti l-ġodda tal-fondi Stutturali u ta' Investiment u programmi oħrajn tal-UE, aħna nemmnu li:

* L-isfidi urbani jridu jiġu indirizzati b'mod integrat, bl-iffaċċjar flimkien tad-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali, soċjali, kulturali u demografiċi. Għalhekk aħna nilqgħu l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea għal approċċ integrat. 

* Il-politiki u l-azzjonijiet futuri tal-UE fl-oqsma tat-trasport, l-ambjent, l-enerġija, l-intrapriża, l-impjiegi, ir-riċerka fl-azzjoni dwar il-klima, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-aġenda diġitali, għandhom jikkunsidraw id-dimensjoni urbana. Il-koordinazzjoni mtejba ta’ kwistjonijiet urbani li jridu jitwettqu mid-DĠ għal Politika Reġjonali u Urbana hija importanti u aħna ser nsegwu dan mill-qrib.

* Fir-rigward tal-pakkett leġiżlattiv dwar il-Politika ta’ Koeżjoni, aħna nilqgħu r-rieda tal-Kummissjoni li tittestja ideat u modi ġodda ta’ ħidma permezz tal-azzjonijiet proposti innovattivi urbani.

* Nemmnu li l-proposti tal-Kummissjoni għal aktar delegazzjoni tal-ġestjoni lejn l-ibliet, inklużi l-ġestjoni tal-fondi strutturali tal-UE, huma vitali biex jiġi żgurat li l-isfidi urbani ikunu mifhuma sew u li l-implimentazzjoni taqbel mal-ħtiġijiet reali. 

* It-temi prijoritarji fil-mira tal-abbozz ta’ regolamenti (effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġiji rinnovabbli, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-SMEs) huma kwistjonijiet strateġiċi għall-ibliet u l-irħula tagħna. Aħna nilqgħu opportunitajiet ġodda biex jiġu indirizzati dawn b’mod integrat u għandna fiduċja li l-Kummissjoni se timplimenta l-leġiżlazzjoni ġdida fi spirtu ta’ flessibbiltà li tirrispetta l-ispeċifiċitajiet lokali. 

* Nistennew bil-ħerqa li jkompli d-djalogu mal-Kummissjoni Ewropea.

Politika Reġjonali tal-UE: Żomm ruħek infurmat/a