L-għeluq għal kollox tal-miżbliet il-qodma

Fil-gżira ta'  Malta qed issir ir-riabilitazzjoni u r-restawr ta’ tliet miżbliet magħluqa. Il-proġett ikkofinanzjat mill-UE se jinvolvi primarjament il-kisi ta’ dawn is-siti, sabiex aktar tard ikunu jistgħu jintużaw b'modi ġodda inkluż għar-rikreazzjoni tal-pubbliku.

 Għodod addizzjonali

 

Dan ix-xogħol, minbarra li se jagħmel dawn it-tliet siti aktar attraenti billi jissebbaħ l-ambjent tagħhom, se jieħu ħsieb il-problemi għas-saħħa u l-ambjent relatati ma’ dawn il-miżbliet filwaqt li jgħollihom skont il-livelli tal-UE. L-art sħiħa riabilitata mill-miżbliet mistennija li tkun ta' 370,000 metru kwadru.

Kisi tal-miżbliet u tisbiħ tal-ambjent tagħhom

F’Mejju tal-2010, Malta ssottomettiet il-proġett tagħha għar-riabilitazzjoni u r-restawr ta’ tliet miżbliet magħluqa. Dan se jiffoka fuq il-miżbliet tal-Magħtab (attiva bejn l-1978 u l-2004), tal-Qortin (1968-2004) u ta’ Marsaskala (1970-1979).

Dwar il-Magħtab u l-Qortin, ix-xogħol se jindirizza l-impatti li l-ħruq tal-iskart, il-gassijiet prodotti mill-miżbliet u l-emissjonijiet tal-leachate jista' jkollhom fuq saħħet il-bniedem u fuq l-ambjent. L-ebda wieħed minn dawn is-siti ma kien konformi (jew jista’ qatt ikun konformi) mal-inġinerija meħtieġa skont id-Direttiva tal-UE dwar il-Miżbliet tal-1999. Ir-riabilitazzjoni u r-restawr aħħarija tagħhom jimxu id f’id mal-Istrateġija għall-Immaniġġar tal-Iskart Solidu għal Malta, imfassla sabiex dawn is-siti jkunu jistgħu jintużaw b’mod li jagħmlu l-ġid.

Permezz ta’ dan il-proġett, il-miżbliet f’dawn iż-żewġ siti se jinksew billi tintuża firxa ta’ bosta metodi differenti. Dawn se jnaqqsu l-produzzjoni tal-leachate u l-emissjonijiet fl-arja li joħorġu mill-miżbliet u mill-gassijiet prodotti mill-ħruq tal-iskart. Xogħol ieħor fuq dawn is-siti jinkludi t-twaħħil ta’ sistemi ta’ drenaġġ kif ukoll it-tisbiħ tal-ambjent tagħhom, bħalma huwa t-tħawwil ta' siġar.

Il-miżbla ta' Marsaskala għalqet fl-1979. Minħabba li l-iskart m’ilux wisq żmien, mhuwiex meqjus li jista’ jkun ta’ periklu għas-saħħa u għall-ambjent.  Għaldaqstant, ix-xogħol se jikkonċentra fuq il-bidla ta’ din l-art mitluqa f’żona tajba biex tintuża mill-ġdid għall-ġid tal-komunità.

Kulma jeħtieġ hawnhekk huwa biss li jinkesa l-materjal mhux attiv. F’dan is-sit se jitħawlu wkoll xtieli lokali u Mediterranji, bħala parti minn skema usa’ ta’ restawr li tinkludi faċilitajiet ta’ parkeġġ u stabilizzazzjoni tal-uċuħ blatija biex ’il quddiem ikunu jistgħu jintużaw mix-xabbaturi.

Parks pubbliċi

Il-proġett se jkun ta’ benefiċċju kemm għar-residenti kif ukoll għall-ħafna turisti li jżuru Malta, billi jitnaqqas l-impatt viżiv negattiv li qed joħolqu bħalissa dawn il-miżbliet. Se jtejjeb ukoll l-arja u l-kwalità tal-ilma tal-pjan madwar dawn is-siti filwaqt li jipprovdi pjattaforma sabiex fil-futur dawn jinbidlu f'postijiet ta' rikreazzjoni, ngħidu aħna bħal xi park.

Huwa mistenni li l-proġett joħloq b'mod dirett madwar 80 impjieg waqt li qed jitwettaq u 24 huwa u jitħaddem. Malli jitlestew, is-siti se jitmexxew u jinżammu mill-kumpanija WasteServ Malta Ltd., kumpanija li tieħu ħsieb l-immaniġġar tal-iskart.

Id-data ta' l-abbozz

16/12/2010