Ilmijiet kostali nodfa lura biex jibqgħu

It-treġġigħ lura tal-kwalità tal-ilma tal-għawm tul il-kosta tax-Xlokk ta’ Malta u l-konformità mad-direttivi Ewropew dwar id-drenaġġ huma ż-żewġ miri ewlenin f’dan il-proġett.

 Għodod addizzjonali

 

L-investiment ikopri l-bini ta’ impjant ta’ trattament tad-drenaġġ urban ġdid (UWWTP), stazzjon ġdid ta’ ppumpjar tad-drenaġġ, stazzjon ta’ ppumpjar rinnovat u żbokk taħt il-baħar 1 km ’il bogħod, li lkoll sejrin iġibu magħhom benefiċċji għal-lokali u għall-bosta turisti li jżuru l-gżira ta’ kull sena.

Twaqqif tar-rimi tad-drenaġġ

Għal bosta snin, id-drenaġġ mhux trattat kien jintrema direttament f’xi wħud mill-ilmijiet kostali ta’ Malta. L-infrastruttura ġdida li għandha tinbena sejra tiżgura li 82% tal-effluwent kollu ġġenerat jiġi trattat, b’hekk sejra ġġib lil Malta konformi mar-regolament dwar it-“Trattament tal-Ilma Urban Mormi” tal-UE. Il-proġett sejjer iġib lura l-kwalità tal-ilma tal-għawm tul il-linja kostali twila 5 km bejn Ricasoli u Marsascala. Għaldaqstant, sejjer jelimina d-drenaġġ mhux trattat kollu li jintrema fil-baħar, kif ukoll irwejjaħ jintnu u riskji għas-saħħa assoċjati, u sejjer iżid il-valur residenzjali u rikreattiv taż-żona kostali tal-grigal, u fl-istess ħin sejjer isaħħaħ il-potenzjal għat-turiżmu ta’ din iż-żona.

Il-faċilitajiet sejrin jaqdu l-ħtiġijiet ta’ trattament tad-drenaġġ ta’ 320 000 ruħ li jgħixu fiż-żona tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana tal-Port, u fiż-żoni tax-Xlokk u tal-Punent, kif ukoll tal-industrija u tat-turisti li jżuru dawn iż-żoni. F’termini ta’ impjiegi, sejrin jinħolqu 80 impjieg dirett waqt li jkunu qegħdin isiru x-xogħlijiet, 20 ladarba l-faċilitajiet ta’ trattament tad-drenaġġ il-ġodda jkunu qegħdin jaħdmu.

Faċilitajiet moderni għal kontroll aħjar tal-ilma

Il-komponenti ewlenin tax-xogħlijiet huma l-bini ta’ UWWTP ġdid f’Ta' Barkat l/o Xgħajra u stazzjon ta’ ppumpjar tad-drenaġġ ġdid f’Rinella fil-Kalkara. L-istazzjon tal-ippumpjar sejjer ikun mgħammar b’ġeneratur stand-by sabiex jevita tnixxija meta jinqata’ d-dawl. Stazzjon tal-ippumpjar tad-drenaġġ eżistenti fix-Xgħajra sejjer jiġi rinnovat ukoll, filwaqt li sejra tinbena mina għad-drenaġġ twila 1.7 km minn Rinella sa Ta' Barkat l/o Xgħajra, li sejra twassal madwar 92% tad-drenaġġ li għandu jiġi trattat fl-UWWTP il-ġdid. Finalment, żbokk taħt il-baħar sejjer jarmi l-effluwent ittrattat fl-UWWTP, kif ukoll għargħar tal-ilma minn maltempati, u sejjer ikun tieni żbokk bħala bypass ta’ emerġenza għall-impjant matul sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Elettriku ġġenerat mill-impjant stess

Karatteristika importanti tal-UWWTP hija l-proċess ta’ ‘diġestjoni anerobika tal-ħama’ tiegħu li huwa mfassal sabiex jiġġenera l-biogass. Huwa mistenni li sa 50% tar-rekwiżiti tal-enerġija tal-impjant sejrin jiġu servuti mill-metanu ġġenerat matul id-diġestjoni tal-ħama.

Id-data ta' l-abbozz

15/02/2011