Konnessjonijiet aħjar għal Malta

Il-bini mill-ġdid u t-titjib ta’ ħames sezzjonijiet tan-netwerk tat-toroq f’Malta u f’Għawdex sejrin itejbu l-konnettività tal-gżejjer Maltin, kemm f’termini domestiċi kif ukoll f’termini internazzjonali, sejrin inaqqsu l-ħinijiet tal-ivvjaġġar u sejrin itejbu s-sigurtà tat-toroq.

 Għodod addizzjonali

 

Il-ħames sezzjonijiet, ilkoll parti min-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (TEN-T), ikopru toroq f’Ħal Luqa, il-Furjana, il-Marsa, il-Mellieħa u n-Naxxar f’Malta u fir-Rabat f’Għawdex li qegħdin jiġu mtejba sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali attwali u futuri tal-gżejjer.

Ħames proġetti f’wieħed għal Malta u Għawdex

Il-bini mill-ġdid u t-titjib ta’ dawn is-sezzjonijiet tat-toroq, kollha f’rotta 1 u f’rotta 6, sejrin isiru bħala ħames subproġetti.

L-ewwel subproġett jinvolvi l-bini mill-ġdid u l-aġġornament ta’ sezzjoni ta’ triq ta’ 2.2 km fi Vjal il-Kunsill tal-Ewropea u fi Vjal Garibaldi f’Ħal-Luqa. It-tieni subproġett jinvolvi l-bini u t-titjib tat-triq ta' aċċess għat-terminal tal-passiġġieri tal-baħar fil-Furjana/Marsa, filwaqt li t-tielet subproġett jinkludi l-bini mill-ġdid u t-twessigħ ta’ Triq il-Marfa, il-Mellieħa.  Subproġett erbgħa jkopri l-bini mill-ġdid u t-titjib tan-netwerk ta’ toroq ta’ 3.4 km bejn Għajnsielem u r-Rabat f’Għawdex, inkluż il-bini mill-ġdid u t-titjib ta’ tliet slaleb it-toroq prinċipali, żewġ roundabouts u salib it-toroq bis-sinjali tat-traffiku. Finalment, il-ħames subproġett jinvolvi l-bini mill-ġdid tal-bypass ta’ 2 km tal-Mellieħa.

Barra milli jtejjeb il-kundizzjonijiet għas-sewwieqa, il-proġett sejjer ikun ta’ benefiċċju għal dawk li jkunu miexjin, għaċ-ċiklisti u għall-fornituri tat-trasport pubbliku bil-bini ta’ għadd ta’ passaġġi għal min ikun miexi, pedestrian crossings u passaġġi għar-roti u t-titjib tal-faċilitajiet tat-trasport pubbliku eżistenti tul ir-rotot tal-karozzi tal-linja.

Benefiċċji għaċ-ċittadini ta’ Malta

Il-benefiċjarji ewlenin tal-infrastruttura l-ġdida, li għandha titmexxa mill-Awtorità Maltija tat-Trasport, sejrin ikunu ċ-ċittadini ta' Malta, kif ukoll dawk li jżuru l-gżejjer u l-komunità kummerċjali tagħha.

Is-sewwieqa u utenti tat-triq oħrajn sejrin isibu l-vjaġġi tul dawn is-sezzjonijiet tat-toroq ferm iktar faċli wara li jitlesta l-proġett. Il-proġett sejjer itejjeb il-fluss tat-traffiku, li jirriżulta f'ħinijiet iqsar ta' vjaġġar u sigurtà mtejba tat-toroq. Billi jipprovdi aċċess aħjar għall-portijiet u jnaqqas l-ispejjeż għall-operaturi tat-trasport, il-proġett huwa mistenni wkoll li jkollu impatt pożittiv fuq l-industrija tal-manifattura lokali.

F’termini ta’ statistiċi, huwa mbassar li l-proġett sejjer iwassal għal żieda ta’ 10% fir-rata ta’ sodisfazzjoni tal-operaturi tat-trasport u tal-utenti, tnaqqis ta' 10% fl-aċċidenti tat-traffiku u tnaqqis ta' ħames minuti fil-ħinijiet ta' vjaġġar.

Il-proġett se jkollu imbatt baxx fuq l-ambjent iżda l-benefiċċji ambjentali jistgħu fil-fatt jinkisbu permezz tal-installazzjoni ta’ dawl tat-toroq ġdid li huwa effiċjenti fil-konsum tal-enerġija.

Id-data ta' l-abbozz

20/09/2011