Netwerks tat-trasport u l-enerġija

L-investimenti fis-servizzi tat-trasport u l-infrastruttura huma ta' benefiċċju dirett għaċ-ċittadini u n-negozji. Il-mobbiltà intelliġenti, it-trasport nadif u l-mobbiltà urbana huma prijoritajiet partikolari għall-Politika ta' Koeżjoni waqt il-perjodu tal-iffinanzjar 2014-2020. Il-politika ta' koeżjoni tappoġġja wkoll investimenti fl-infrastruttura għad-distribuzzjoni tal-enerġija intelliġenti, is-sistemi tal-ħażna u t-trażmissjoni (b'mod partikolari f'reġjuni inqas żviluppati).

 Għodod addizzjonali

  •  
  •  Ċekken it-test  
  •  Kabbar it-test  

Trasport u mobbiltà sostenibbli

Il-promozzjoni tat-trasport sostenibbli u t-tneħħija tal-ostakli fl-infrastrutturi prinċipali tat-trasport hija waħda mill-ħdax-il Objettiv Tematiku għall-Politika ta' Koeżjoni fl-2014-2020.  L-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni huwa disponibbli biex jipprovdi kofinanzjament tal-UE għall-proġetti relatati mal-Prijoritajiet tal-Investiment li ġejjin, taħt l-objettiv tematiku7:

  • L-appoġġ ta' Żona Unika Ewropea tat-Trasport multi modali bl-investiment fin-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T);
  • It-titjib fil-mobbiltà reġjonali billi jitqabbdu nodi sekondarji u terzjarji mal-infrastruttura tat-TEN-T inkluż nodi multimodali (FEŻR biss);
  • L-iżvilupp u t-titjib tas-sistemi tat-trasport b'livell ta' karbonju baxx (inkluż b'livell ta' ħsejjes baxx) u favur l-ambjent, inkluż passaġġi fuql-ilma interni u trasport marittimu, portijiet, konnessjonijiet multimodali u infrastruttura tal-ajruport, sabiex jippromwovu l-mobbiltà reġjonali u lokali sostenibbli;
  • L-iżvilupp u r-riabilitazzjoni tas-sistemi tal-ferrovija komprensivi, ta' kwalità għolja u interoperabbli u l-promozzjoni tal-miżuri tat-tnaqqis tal-ħsejjes.

Huwa wkoll possibbli li tirċievi appoġġ mill-UE għall-investimenti tat-trasport b'livell baxx ta' karbonju fl-Objettiv Tematiku mmirat biex jappoġġja ċ-ċaqliqa lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju fis-setturi kollha, b'mod partikolari għall-promozzjoni tal-mobbiltà urbana multimodali sostenibbli (objettiv tematiku 4).

Sabiex ikun żgurat li dawn l-investimenti jiksbu impatt massimu, se ssir enfażi partikolari waqt il-perjodu tal-2014-2020 dwar il-ħtieġa biex ikun żgurat ambjent strateġiku b'saħħtu (inkluż l-adozzjoni mill-Istati Membri ta' “pjan tat-trasport komprensiv” li juri kif il-proġetti se jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' Żona Unika Ewropea tat-Trasport). 

L-infrastruttura tal-enerġija u l-interkonnessjonijiet

Investimenti fl-infrastruttura għad-distribuzzjoni tal-enerġija intelliġenti, il-ħażna u s-sistemi tat-trażmissjoni huma wkoll koperti mill-Objettivi Tematiċi għall-Politika ta' Koeżjoni fl-2014-2020. L-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) huwa disponibbli biex jipprovdi kofinanzjament tal-UE għall-proġetti, prinċipalment fir-reġjuni inqas żviluppati, relatati mal-Prijoritajiet tal-Investiment li ġejjin, taħt l-objettiv tematiku 7:

  • it-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija u s-sikurezza tal-provvista permezz tal-iżvilupp tad-distribuzzjoni tal-enerġija intelliġenti, il-ħażna u s-sistemi ta' trażmissjoni u permezz tal-integrazzjoni tal-ġenerazzjoni distribwita minn sorsi rinnovabbli;

L-investimenti jistgħu jkunu kemm għall-proġetti tal-elettriku u tal-gass naturali u għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-sistemi intelliġenti u jkunu kumplimentari għall-investimenti għall-appoġġ ta' ċaqliqa lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju. Bħala kundizzjoni minn qabel għall-appoġġ, l-Istati Membri għandu jkollhom stabbiliti pjanijiet komprensivi li jiddeskrivu l-prijoritajiet nazzjonali tal-infrastruttura tal-enerġija, f'konformità mat-tielet leġiżlazzjoni tas-Suq Intern tal-Enerġija, b'mod konsistenti mal-pjan tal-iżvilupp tan-netwerk ta' għaxar snin madwar l-Unjoni u li fihom rotta sekondarja realistika u matura għall-proġetti li għalihom huwa previst appoġġ mill-FEŻR.

Huwa possibbli wkoll li tirċievi appoġġ għal investimenti f'sistemi ta' distribuzzjoni tal-elettriku intelliġenti u għad-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli (u l-produzzjoni) fl-objettiv tematiku 4 (ekonomija b'livell baxx ta' karbonju).

Għaż-żewġ investimenti tat-trasport u l-enerġija imsemmijin hawn fuq, l-appoġġ tal-Politika ta' koeżjoni għandu jkun ippjanat f'kooperazzjoni mill-qrib b'appoġġ mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) biex jiġu żgurati konnessjonijiet kumplimentari u ottimali ta' tipi differenti ta' infrastruttura fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u makro reġjonali u l-livell Ewropew.

Is-sorsi tal-iffinanzjar privat huma mistennija jkopru l-biċċa l-kbira tal-investiment f'dan il-qasam, ikkumplimentati minn sorsi pubbliċi f'każijiet ta' diskrepanza tal-iffinanzjar. L-iffinanzjar pubbliku m'għandux jissostitwixxi iżda għandu jikkumplimenta u jillieva l-investiment privat , f'konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.



Thematic Objective 7: Transport and energy networks by Country for 2014-2020

Breakdown Of The Available Funds By Thematic Objective By MS For 2014-2020