It-turiżmu

L-Ewropa hija d-destinazzjoni turistika ewlenija fid-dinja. It-turiżmu għandu rwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ ħafna reġjuni Ewropej, b’mod partikolari r-reġjuni l-inqas żviluppati, minħabba l-effett konsegwenzjali konsiderevoli tiegħu u l-potenzjal ta’ ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ. It-turiżmu wera wkoll reżiljenza konsiderevoli u tkabbir persistenti anki matul il-kriżi riċenti.

 Għodod addizzjonali

  •  
  •  Ċekken it-test  
  •  Kabbar it-test  

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jappoġġja l-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-kwalità tat-turiżmu fil-livelli lokali u reġjonali. It-turiżmu huwa ovvjament marbut mill-qrib mal-użu u l-iżvilupp tal-assi naturali, storiċi u kulturali u mal-attrazzjoni tal-bliet u tar-reġjuni bħala postijiet fejn wieħed jista’ jgħix, jaħdem u jżur. Barra minn hekk, huwa ovvjament marbut ukoll mal-iżvilupp, l-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi li jridu jiġu akkwistati u jitgawdew mill-viżitaturi.

perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020

It-turiżmu ma ġiex inkluż bħala għan tematiku fir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) minħabba li huwa jikkostitwixxi mezz jew settur aktar milli għan. Madankollu, ir-regolamenti jipprevedu ħafna possibbiltajiet għal investimenti f’turiżmu intelliġenti.

Il-Kummissjoni ppubblikat gwida tematika għall-investimenti fit-turiżmu. Hija tirrakkomanda li dawn:

  • jiġu allinjati ma’ wieħed/waħda jew aktar mill-għanijiet tematiċi u l-prijoritajiet tal-investiment.
  • ikunu koerenti mal-analiżi SWOT tal-OPs nazzjonali / reġjonali / transnazzjonali rilevanti
  • jiffokaw fuq il-valorizzazzjoni aħjar tal-assi tat-turiżmu u tal-kultura lokali,
  • jixprunaw l-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-prodotti, tal-proċessi u tas-servizzi, kif ukoll l-ispeċjalizzazzjoni għal swieq niċeċ, sabiex tingħeleb id-dipendenza fuq il-valur miżjud baxx, ix-xogħol temporanju u jiġu żgurati l-attivitajiet ekonomiċi u l-impjiegi barra mill-istaġun turistiku.
  • Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ammeljorament bi tliet darbiet tal-kapaċità għall-eċċellenza, l-innovazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u tar-raggruppamenti, l-attivitajiet ta’ (kross-)raggruppament, inkluż permezz ta’ titjib tal-konnessjonijiet interni u esterni.
  • Billi wieħed mill-vantaġġi partikolari tas-settur tat-turiżmu huwa li l-ostakoli għad-dħul fis-suq huma partikolarment baxxi, għandha ssir enfasi fuq l-appoġġ għall-imprenditorija u l-ħolqien ta’ kumpaniji ġodda.

It-turiżmu ser ikompli jkollu rwol prominenti fl-investiment ippjanat fil-FEŻR, kif ukoll fl-investimenti relatati fil-konservazzjoni, fil-protezzjoni, fil-promozzjoni u fl-iżvilupp ta’ wirt naturali u kulturali (ara l-graff), b’madwar € 8 biljun ta’ allokazzjoni ppjanata mill-FEŻR.

Id-database eye@RIS3, li tiddokumenta l-pajsaġġ emerġenti tal-ispeċjalizzazzjonijiet intelliġenti reġjonali fl-Ewropa (immexxija mill-Pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti), turi li ħafna reġjuni qegħdin jipprijoritizzaw l-innovazzjoni tas-servizzi u l-innovazzjoni tal-mudelli kummerċjali fit-turiżmu fl-istrateġiji tagħhom ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u jallokaw finanzjament sostanzjali għal dak il-għan.

Pereżempju, huma ser jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-iżvilupp ta’ swieq niċeċ kompetittivi u l-iżvilupp kummerċjali, bħal fuq turiżmu għall-anzjani (ekonomija tal-anzjani) jew l-ekoturiżmu, fuq l-ammeljorament tal-ktajjen tal-valur tat-turiżmu tagħhom li jimmiraw għal segmenti tas-suq ogħla u fuq id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ turiżmu tagħhom sabiex isiru jiddependu inqas mit-turiżmu staġjonali.

Dawn ir-reġjuni għandhom strateġiji komprensivi fis-seħħ mhux biss sabiex imorru lejn valur miżjud ogħla billi jinvestu fl-innovazzjoni tat-turiżmu, iżda wkoll billi jimmobilizzaw aktar effetti konsegwenzjali fl-industriji tagħhom, bħall-industriji kulturali u kreattivi, l-ikel agrikolu, il-kostruzzjoni, eċċ.