Kultura

Il-kultura tinsab fil-qalba tal-patrimonju u l-istorja għonja tal-Ewropa u għandha rwol importanti fit-titjib tal-attrazzjoni tal-postijiet u t-tisħiħ tal-identità unika ta’ post speċifiku. Il-kultura u l-kreattività jistgħu jkunu xprunaturi u instigaturi importanti tal-innovazzjoni, kif ukoll sors importanti għall-imprenditorija. Il-kultura hija xprunatur ewlieni għaż-żieda tad-dħul mit-turiżmu, bit-turiżmu kulturali jkun wieħed mill-akbar u l-aktar segmenti tat-turiżmu li qegħdin jikbru malajr madwar id-dinja. Il-kultura għandha rwol importanti fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali.

 Għodod addizzjonali

  •  
  •  Ċekken it-test  
  •  Kabbar it-test  

X’inhuma l-industriji kulturali u kreattivi?

L-Industriji Kulturali u Kreattivi jinkludu ġabra varjata ta’ dixxiplini ta’ negozju li għandhom kemm impatt kulturali kif ukoll impatt ekonomiku, b’mod partikolari:

  • l-arti u l-arkitettura,
  • id-disinn grafiku u tal-web,
  • il-pubblikazzjoni,
  • il-logħob u l-multimedja,
  • l-industrija tal-mużika u tad-divertiment,
  • is-snajja’ artistiċi u d-disinn tal-moda,
  • il-films,
  • ir-reklamar u r-relazzjonijiet pubbliċi.

Għaliex l-investiment?

Il-kultura u l-kreattività mhumiex limitati għall-valur artistiku. Permezz tal-użu ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE, il-potenzjal tal-iżvilupp tagħhom jista’ jiġi sfruttat għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir madwar ir-reġjuni u l-ibliet tal-Ewropa. Pereżempju:

  • L-iżvilupp ta’ raggruppamenti industrijali kreattivi, inkubaturi kreattivi u d-diġitizzazzjoni tal-kontenut kulturali wrew li kienu partikolarment ta’ benefiċċju għall-ixprunar tat-trasformazzjoni ekonomika lejn ekonomija u servizzi bbażati fuq l-għarfien.
  • Permezz tad-disinn ta’ prodotti u servizzi ġodda, l-investimenti kulturali taw ħajja ġdida lill-industriji li altrimenti kienu bdew jaqbdu n-niżla. Bħala parti minn strateġiji usa’ tal-innovazzjoni reġjonali, dawn it-tipi ta’ investimenti jistgħu jagħmlu spazju għal niċeċ ta’ swieq ta’ valur ogħla f’reġjuni periferali.

Perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013

Bejn l-2007 u l-2013, l-UE investiet aktar minn EUR 6 biljun f’industriji kulturali u kreattivi (CCI), imqassmin kif ġej:

  • EUR 3 biljun għall-ħarsien u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali tagħna
  • EUR 2.2 biljun għall-iżvilupp ta’ infrastruttura kulturali
  • EUR 775 miljun għas-sostenn tas-servizzi kulturali

Perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, bl-enfasi qawwija tiegħu fuq it-tisħiħ tal-kompetittività u t-tkabbir u l-impjiegi, l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali huma rrakkomandati sabiex:

  • jiffokaw l-assistenza tal-FEŻR fuq is-sostenn ta’ setturi kulturali ġodda li huma marbuta mill-qrib mal-innovazzjoni u l-kreattività
  • jisfruttaw l-investimenti fil-wirt kulturali għall-iżvilupp u s-sostenn tar-raggruppamenti industrijali kreattivi, eż. billi jiffokaw fuq it-titjib tal-‘esperjenza tal-utenti’ permezz tat-teknoloġija diġitali,
  • Itejbu s-sinerġiji ma’ fondi oħrajn bħall-Programm Qafas ta’ Ewropa Kreattiva, il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME), Orizzont 2020, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Alleanza tal-Industriji Kreattivi Ewropej, programmi reġjonali u/jew nazzjonali għall-industriji kulturali u kreattivi u sorsi ta’ finanzjament possibbli oħrajn