10 mistoqsijiet dwar il-Politika ta' Koeżjoni – Politika Reġjonali tal-UE

 Għodod addizzjonali

  •  
  •  Ċekken it-test  
  •  Kabbar it-test  

Il-"politika ta’ koeżjoni" hija l-politika wara eluf ta’ proġetti madwar l-Ewropa kollha li jirċievu finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta’ Koeżjoni (il-Fond ta’ Koeżjoni japplika għall-Istati Membri tal-UE li għandhom PDG inqas minn 90 % tal-medja tal-UE-27 – il-Kroazja ma tqiesitx).

Il-koeżjoni ekonomika u soċjali – kif iddefinita fl-Att Uniku Ewropew tal-1986 – għandha l-għan li "tnaqqas id-disparitajiet bejn il-bosta reġjuni u r-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma inqas favoriti". L-iktar trattat riċenti tal-UE, it-Trattat ta’ Liżbona, iżid qasam ieħor mal-koeżjoni, u jirreferi għal "koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali". 

L-idea hija li l-politika ta’ koeżjoni għandha tippromwovi wkoll "żvilupp territorjali" iktar ibbilanċjat u sostenibbli – kunċett usa’ mill-politika reġjonali, li hija marbuta b’mod speċifiku mal-FEŻR u topera b’mod speċifiku f’livell reġjonali.

Fil-perjodu baġitarju tal-2014-2020, il-koordinazzjoni u l-koerenza bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-politiki l-oħrajn tal-UE li jikkontribwixxu għall-iżvilupp reġjonali, jiġifieri l-iżvilupp rurali u l-politika marittima u tas-sajd, issaħħew billi ġew stabbiliti dispożizzjonijiet komuni għall-FEŻR u l-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS). Il-ħames fondi f’daqqa huma magħrufin bħala l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE).

Bħalissa l-UE hija maqsuma f’274 reġjun tal-"livell NUTS 2" (minn 800 000 sa 3 miljun abitant). Fil-livell Ewropew, biex tkun faċilitata it-tmexxija tal-programmi u t-tqabbil tal-istatistika, saret definizzjoni ta' reġjuni msejħa NUTS (nomenklatura ta' unitajiet territorjali tal-istatistika). Kull pajjiż huwa maqsum f'unitajiet tal-istatistika, bl-Unjoni Ewropea attwalment għandha 271 minnhom fil-livell II definiti mill- Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej en.

Fil-qafas tal-kooperazzjoni transkonfinali, kultant jissemmew ukoll "ewroreġjuni". Huma kienu intordotti fl-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija bl-inizjattiva ta' atturi politiċi lokali li xtaqu jippromwovu l-interessi komuni li kienu jeżistu bejn iż-żewġ naħat tal-fruntieri. Dawn huma assoċjazzjonijiet li ma jkollhomx status legali preċiż.
Huma jeżistu indipendentement mill-Unjoni Ewropea imma jieħdu sehem ta' spiss fi proġetti ta' kooperazzjoni territorjali. L-Assoċjazzjoni tar-Reġjuni Transkonfinali Ewrope en tirrappreżenta l-ewroreġjuni.

Ir-regolamenti li jistabbilixxu l-ammonti disponibbli għall-politika ta’ koeżjoni għall-2014-2020 jidħlu fis-seħħ fil-21 ta’ Diċembru 2013, bħala parti mill-"perspettiva finanzjarja", il-baġit Ewropew mifrux fuq seba’ snin. Ġew allokati €351.8 biljun għal miżuri tal-politika ta’ koeżjoni fit-28 pajjiż membru tal-UE għall-2014-2020, ammont li huwa madwar terz mill-baġit tal-UE. Il-gvernijiet nazzjonali nnegozjaw kif għandhom jitqassmu l-fondi fil-Kunsill tal-UE u, għad li xorta waħda r-reġjuni kollha jibbenefikaw mill-politika ta’ koeżjoni, ingħatat prijorità lill-pajjiżi u r-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura. Ġie allokat iktar minn nofs il-baġit – €182.2 biljun – għal reġjuni li jkunu għadhom lura, li għandhom PDG ta’ inqas minn 75 % tal-medja tal-UE-27. €35 biljun ġew allokati għal reġjuni fi transizzjoni, li għandhom PDG ta’ bejn 75 % u 90 % tal-medja tal-UE, u €54 biljun għal reġjuni iktar żviluppati bi PDG ta’ iktar minn 90 % tal-medja tal-UE.

Imbagħad l-Istati Membri jużaw il-fondi biex jiffinanzjaw il-programmi – programmi tematiċi li jkopru l-pajjiż kollu (fuq l-ambjent jew it-trasport, ngħidu aħna) jew programmi reġjonali li jallokaw fondi għal parti partikolari tal-pajjiż.

Sib jekk ir-reġjun tiegħek huwiex kopert fl-2014-2020

Tista’ tikseb finanzjament mill-Fondi SIE tkun f’liema reġjun tkun. Il-Kummissjoni Ewropea ma tindaħalx fl-għażla ta' proġetti, ħlief f'dak li jirrigwardja l-għadd limitat ta' proġetti ta' natura kbira (proġetti kbar).
B'sistema ta' tmexxija diċentralizzata, awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali kienu nominati biex imexxu kull wieħed mill-455 programm li jħaddmu l-Politika ta' Koeżjoni għall-perjodu 2007-2013, dawn jissejħu 'awtoritajiet amministrattivi'.

Dawn jiddefinixxu l-kriterji ta' għażla, jorganizzaw il-kumitati ta' għażla u jagħżlu l-proġetti li se jirċievu għajnuna Ewropea wara sejħiet għal proġetti miftuħa għal kulħadd.
Ikkonsulta l-lista ta' awtoritajiet amministrattivi u l-programmi fir-reġjun tiegħek en u fil-pajjiż tiegħek. Ikkonsulta t-tipi l-oħra ta' finanzjamenti Komunitarji disponibbli.

Iċ-ċittadini li jistgħu jistennew għajnuna tal-Fondi Ewropej huma numerużi imma mhux dejjem ikunu jafu b'dan... Il-benefiċjarji tal-Politika ta' Koeżjoni jistgħu jkunu intrapriżi (partikolarment l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju), korpi pubbliċi, assoċjazzjonijiet jew individwi privati mill-mument fejn huma jippreżentaw proġett li jissodisfa l-kriterji ta' għażla ffissati mill-awtorità amministrattiva tal-programm. L-intrapriżi barranin ibbażati fl-Ewropa jistgħu jibbenefikaw ugwalment mill-għajnuna tal-Fondi Strutturali.

Fil-qafas tal-programmazzjoni 2007-2013, kull Stat għandu l-obbligu li jippubblika u jimplimenta lista tal-benefiċjarji kollha tal-fondi strutturali, ikklikkja hawn biex tikkonsulta dawn il-listi en.

Ir-regoli jispeċifikaw ċerti kategoriji ta’ nefqa eliġibbli. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-20, ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni jispeċifika 11-il objettiv tematiku li ser ikunu sostnuti mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Sehem importanti mill-infiq irid ikun iffokat fuq dawn il-prijoritajiet, li jkopru suġġetti bħar-riċerka u l-innovazzjoni, l-appoġġ għal impriżi żgħar u medji (SMEs), l-ambjent, it-trasport, l-impjiegi, it-taħriġ u l-amministrazzjoni pubblika. L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jispeċifikaw fil-programmi operazzjonali tagħhom kif inhuma beħsiebhom iqassmu l-finanzjament disponibbli bejn it-temi ewlenin. L-istrateġiji nazzjonali huma stabbiliti fl-hekk imsejħin Ftehimiet ta' Sħubija.

Aqra iktar dwar l-oqsma ta' attività tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE

Permezz tal-11-il objettiv tematiku tagħha, il-politika ta’ koeżjoni tgħin sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, l-istrateġija ta’ tkabbir tal-UE sabiex tikseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni ser ikunu l-għodda ewlenija ta’ investiment għal miżuri li jsostnu l-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-inklużjoni u l-qabża lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.

Kemm il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) kif ukoll il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jappoġġjaw għadd ta’ prijoritajiet ewlenin li jaqgħu taħt l-objettivi tematiċi, u ċertu ammont ta’ finanzjament jiġi allokat għal dawn il-prijoritajiet. Reġjuni li jkunu għadhom lura jridu jiddedikaw tal-inqas 50 % tal-finanzjament tagħhom mill-FEŻR u 60 % tal-allokazzjonijiet tagħhom mill-FSE għal dawn l-objettivi; il-figuri huma 60 % u 70 % rispettivament għal reġjuni fi tranżizzjoni, u 80 % għar-reġjuni aktar żviluppati.

Sabiex jinkiseb l-ikbar impatt mill-finanzjament disponibbli, l-enfasi fuq ir-riżultati ssaħħet fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-20, u qabel ma jkunu jistgħu jiġu allokati l-fondi jridu jkunu ġew issodisfati ċerti kundizzjonijiet. Dawn l-hekk imsejħin kundizzjonalitajiet ex ante jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ il-prekundizzjonijiet xierqa sabiex l-infiq tal-politika ta’ koeżjoni jkollu effett li jinħass fir-reġjun.

  1. L-inizjattiva INTERREG ġiet inkorporata fil-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea.
  2. L-objettivi ta’ URBAN (l-iżvilupp urban) u EQUAL (l-impjiegi) issa huma koperti mill-politika ta’ koeżjoni prinċipali.
  3. Leader+ u l-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) ġew sostitwiti mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FAEŻR), filwaqt li l-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd (SFGS) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) issa saru l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).
  4. Mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 ’l hawn, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) ħa post id-diversi skemi li jkopru t-Turkija u l-Balkani, eż. PHARE, ISPA, Sapard, CARDS, u l-Istrument Finanzjarju għat-Turkija. L-oqsma tal-iżvilupp reġjonali u l-kooperazzjoni transfruntiera tal-IPA għadhom jaġixxu bħala l-prekursuri għall-politika ta’ koeżjoni għall-pajjiżi li jistgħu jissieħbu fl-UE.
  5. JASPERS, JEREMIE, JESSICA u JASMINE: Dawn l-erba’ strumenti ta’ appoġġ speċjali ġew żviluppati fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-13 f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment, parzjalment bħala strumenti ta’ inġinerija finanzjarja u parzjalment sabiex jipprovdu assistenza finanzjarja. Fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika attwali u l-iskarsezza dejjem ikbar tar-riżorsi pubbliċi, l-istrumenti finanzjarji huma mistennija jaqdu rwol saħansitra ikbar fil-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. 

L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jridu jissodisfaw ċerti rekwiżiti bażiċi qabel ma jkunu jistgħu jingħataw xi flus mill-Fondi tas-SIE għal xi proġett. Tliet awtoritajiet iridu jkunu definiti għal kull programm reġjonali jew nazzjonali:

  1. L-awtorità amministrattiva tivverifika r-rispett tal-kundizzjonijiet tal-għoti ta' sussidji u twettaq kontrolli regolari biex tiddetermina l-istat tal-avvanzi u l-eżattezza ta' nefqiet proġettati.
  2. Lawtorità ta' ċertifikar tissottometti l-istati ta' nefqiet perjodikament u t-talbiet ta' ħlasijiet lill-Kummissjoni. Hija tivverifika li t-talbiet ta' rimborż ikunu eżatti, li huma jirriżultaw minn sistemi kompatibbli affidabbli konformi mar-regoli nazzjonali u Ewropej li jkunu fis-seħħ.
  3. L-awtorità tal-verifika twettaq verifiki ta' sistemi u tittestja l-proġetti. Hija tinforma lill-awtorità amministrattiva u lill-awtorità ta' ċertifikar bil-lakuni li jkunu ġew innutati u bl-irregolaritajiet skoperti fin-nefqiet.

Is-servizzi ta' verifika tal-Kummissjoni Ewropea jeżerċitaw funzjoni ta' superviżjoni, huma jistgħu jwettqu verifiki f'kull ħin. Meta jkunu nnotati dgħufijiet importanti, il-Kummissjoni u l-Istati membri jfasslu pjanijiet ta' azzjoni biex jirrimedjaw l-affarijiet. Jekk il-miżuri korrettivi ma jsirux minnufih mill-Istat konċernat, il-Kummissjoni Ewropea tista' tinterrompi jew tissospendi l-pagamenti. Il-Kummissjoni żżomm ugwalment kont tal-verifiki tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-inkjesti ta' l-Uffiċċju Ewropew tal-Ġlieda kontra l-Frodi (OLAF).

Il-Politika ta' Koeżjoni għandha impatt minħabba l-investiment kolossali li hija tirrappreżenta f'ċerti pajjizi (sa 4 % tal-Prodott Gross Domestiku tagħhom). F'dan il-bidu tal-programmazzjoni, l-Istati Membri ffissaw il-miri mistennija, partikularment fil-'qafas ta' riferenza strateġiku nazzjonali' tagħhom.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jkejlu l-impatt tal-programmi permezz ta' valutazzjonijiet. Kull tliet snin, il-Kummissjoni tippubblika r-'Rapport ta' Koeżjoni' li jiddeskrivi l-iżvilupp tar-reġjuni u l-impatt tal-politika. Hija tippubblika ugwalment kull sena "rapport dwar l-istadju tal-koeżjoni ekonomika u soċjali".

Impatt u riżultati – tkabbir u impjiegi fl-UE fl-2007-2012

  • Żieda fil-PDG per capita fir-reġjuni l-inqas żviluppati tal-UE – il-PDG per capita fl-hekk imsejħin Reġjuni ta’ Konverġenza żdied minn 60.5 % tal-medja tal-UE-27 għal 62.7 % bejn l-2007 u l-2010.
  • Huwa stmat li l-politika ta’ koeżjoni ġġenerat 600 000 impjieg ieħor mill-2007 sal-2012, u tal-inqas terz minnhom f’impriżi żgħar u medji (SMEs).
  • Bejn l-2007 u l-2012 inbnew jew ġew immodernizzati 25 000 km ta' toroq u 1 800 km ta' binarji tal-ferroviji biex jgħinu ħalli jiġi stabbilit netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) effiċjenti.
  • 200 000 SME rċievew appoġġ finanzjarju dirett, u l-politika ta’ koeżjoni għenet lil 77 800 negozju li kien għadu kemm jiftaħ sabiex jibda jaħdem.
  • Fil-perjodu 2007-2012 ġew appoġġjati aktar minn 60 000 proġett ta’ riċerka.
  • Issa, 1.9 miljun persuna oħra għandhom aċċess għall-broadband.

Il-kejl tal-impatt u r-riżultati tal-politika ta’ koeżjoni huwa fundamentali għas-suċċess attwali tagħha. Jippermettilna nuru l-kisbiet tal-politika liċ-ċittadini Ewropej. Joffri wkoll l-opportunità sabiex nitgħallmu minn prattiki tajbin u nkomplu ntejbu l-proġetti u l-programmi bla heda.

Jekk għandek xi mistoqsija oħra, jekk jogħġbok ikkuntattja lid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali.