Investiment fil-Kompetittività għal Kwalità ta' Ħajja Aħjar

Programm taħt l-objettiv tal-Konverġenza, iffinanzjat bi sħab mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR/ERDF) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK/CF)

Malta

 Għodod addizzjonali

  •  
  •  Ċekken it-test  
  •  Kabbar it-test  

Nhar is-26 ta' Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea approvat il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR/ERDF) u l-programm Operattiv tal-Fond ta' Koeżjoni (FŻ/CF) għal Malta għall-perjodu 2007-2013, bit-titlu "Investiment fil-Kompetittività għal Kwalità ta' Ħajja Aħjar". Dan il-programm jinvolvi appoġġ tal-Komunità għar-Repubblika ta' Malta. Il-budget totali tal-programm huwa madwar EUR 857 miljun u l-assistenza tal-Komunità permezz tal-FEŻR tammonta għal EUR 444 miljun, u għal 284 miljun għall-FK, għal ammont globali ta' EUR 728 miljun (madwar 87 % tal-finanzi ta' l-UE investiti f'Malta taħt il-politika ta' Koeżjoni għall-2007-2013).

Malta huwa l-ewwel Stat Membru li lesta n-negozjati mal-Kummissjoni għall-Perjodu ta' l-Ipprogrammar. Il-Programmi Operattivi l-ieħor, dak tal-Fond Soċjali Ewropew, bit-titlu "Ħila lin-nies għal aktar impjiegi u kwalità ta' ħajja aħjar", kien adottat fit-22 ta' Ġunju li għadda.

1. L-iskop u l-mira ta' l-investiment ta' l-UE

Il-programm se jkollu sehem ewlieni fil-kisba tal-miri li hemm fil-Qafas ta' Riferenza Strateġika Nazzjonali Malti u l-konverġenza tiegħu. Dan se jagħmlu kemm billi se jagħti spinta lill-kompetittività ta' l-attivitajiet produttivi tiegħu kif ukoll billi jsaħħaħ l-attrazzjoni tal-Gżejjer Maltin f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwalità fl-ambjent, faċilitajiet ta' trasport u servizzi u stili nodfa u effiċjenti ta' enerġija.

Dan se jwassal li Malta tiġi konformi b'mod sħiħ mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-ambjent matul il-perjodu ta' ipprogrammar. Hu mistenni wkoll li jagħti spinta lill-infrastrutturi lokali u jżid il-ħiliet fir-riċerka u t-teknoloġija ta' l-informazzjoni bħal per eżempju fil-proġett ta' Investiment Dirett Barrani “SmartCity@Malta”.

2. L-impatt mistenni ta' l-investiment

Xi indikaturi ewlenin dwar l-impatt ġew spjegati b'mod ċar bħal per eżempju:

  • Żieda perċentwali fin-nefqa għar-RŻTI/RTDI (Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Innovazzjoni) bħala perċentwali tal-PGD. Il-mira hija li jkun hemm żieda minn 0.3 fil-mija fl-2004 għal 0.75 fl-2013;
  • Żieda fid-dħul mit-turiżmu u żieda fl-esportazzjoni tal-manifattura. Għat-turiżmu, il-mira hija żieda ta' 1.0 fil-mija kull sena fid-dħul mit-turiżmu f'perjodu bejn l-2007 u l-2013. Il-mira għall-industrija tal-manifattura hija għal żieda fl-esportazzjoni minn 2.7 fil-mija fl-2007 għal 3.2 fil-mija fl-2013 (tkabbir annwali);
  • L-għadd ta' impjiegi diretti maħluqa se jkunu ekwivalenti għal madwar 1 400 impjieg full-time sa laħħar tal-perjodu ta' ippogrammar;

3. Assi ta' prijorità

Il-miri prinċipali tal-programm "Investiment fil-Kompetittività għal Kwalità ta' Ħajja Aħjar” huma biex tkun sostnuta ekonomija li qed tikber, ibbażata fuq l-għarfien u l-kompetittiva u biex titjieb l-attrazzjoni ta' Malta u l-kwalità tal-ħajja:

Il-prijorità 1: Tisħiħ tal-Għarfien u l-Innovazzjoni (FEŻR)

Il-mira hi li tkun imsaħħa l-ħila fir-RŻT u l-Innovazzjoni ta' l-intrapriżi Maltin, il-kollegament tas-settur produttiv maċ-ċentri ta' riċerka, l-iffaċilitar ta' l-aċċess għall–kreditu u l-mikrokreditu għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, it-twaqqif ta' dipartiment ġdid ta' l-ICT fl-Università ta' Malta u infrastrutturi relatati ma' l-intrapriżi.

Il-prijorità 2: Promozzjoni ta' Turiżmu Sostenibbli (FEŻR)

Is-settur tat-turiżmu jirrappreżenta sa 25 % tal-PGD Malti. Din il-prijorità se tinkludi azzjonijiet biex jissaħħaħ, ikun priżervat u promoss il-wirt kulturali u naturali, reklamar tal-prodott turistiku speċifiku, għajnuna biex ikunu mġedda intrapriżi turistiċi kif ukoll azzjonijiet biex ikunu involuti għaqdiet mhux governattivi lokali fit-tmexxija tal- wirt kulturali u naturali.

Il-prijorità 3: Żvilupp ta' l-infrastruttura (FK)

Il-portijiet Maltin u t-toroq se jkunu mtejba, fosthom azzjonijiet għal ġestjoni aħjar tat-traffiku. Dawn il-proġetti huma parti min-Netwerks Trans-Ewropej.

Il-prijorità 4: Titjib fis-servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (FEŻR)

L-għan huwa biex Malta tkun megħjuna tiġi konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam ta' l-ajru (id-direttiva dwar impjanti kbar ta' kombustjoni). Il-kostruzzjoni ta' impjant prinċipali għal trattament tad-dranaġġ se ttejjeb b'mod sinifikattiv il-kwalità ta' l-ilma baħar fin-naħa ta' isfel ta' Malta. Dwar l-Enerġija, din se tinkludi aspetti ambjentali fil-produzzjoni ta' l-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija mġedda.

Il-prijorità 5: Ħarsien ta' l-Ambjent (FK)

F'din il-prijorità hemm provvedimenti għal ġbir ta' skart separat mid-djar u impjant ta' trattament bijoloġiku u bis-sħana, mekkaniku avvanzat għall-iskart kif ukoll rijabilitazzjoni ta' postijiet tar-radam. Barra minn hekk, hemm inkluż pass avvanzat għall-użu mill-ġdid ta' l-ilma u l-adattament għall-bidla fil-klima (f'każijiet estremi).

Il-prijorità 6: Riġenerazzjoni urbana u Titjib tal-Kwalità tal-Ħajja (FEŻR)

Il-prijorità hija li jkunu promossi servizzi ġodda effiċjenti u sostenibbli, xi servizzi tas-saħħa permezz ta' l-e-government, xi azzjonijiet għar-riġenerazzjoni urbana fiż-żoni ta' madwar il-port.

Il-Prijorità 7: Għajnuna Teknika (FEŻR)

Hemm disponibbli appoġġ finanzjarju li jkopri l-amministrazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll biex ikun implimentat il-programm.

Informazzjoni Finanzjarja u Teknika

Investiment fil-Kompetittività għal Kwalità ta' Ħajja Aħjar

It-Tip ta’ Intervent

Il-Programm Operattiv

Nru. tas-CCI

2007MT161PO001

Number of decision

C/2007/3189

Id-data finali ta’ l-approvazzjoni

25/06/2007