Programm Operattiv 'URBACT II'

URBACT II (Il-Programm ta' Netwerk għall-Iżvilupp Urban) hu programm ta’ għajnuna strutturali tal-Komunità mill-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali skont l-objettiv tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea fl-Istati Membri kollha, bis-sehem tan-Norveġja u l-Iżvizzera.

 Għodod addizzjonali

  •  
  •  Ċekken it-test  
  •  Kabbar it-test  

Fit-2 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni Ewropea approvat URBACT II 2007-2013, Programm ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea li jkopri l-Unjoni Ewropea kollha, kif ukoll in-Norveġja u l-Iżvizzera. 

L-għan tal-programm hu li jħeġġeġ il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-iżvilupp urban u jrawwem l-iskambju ta’ esperjenza fost l-ibliet Ewropej.  Għandu baġit totali ta’ madwar EUR 68 miljun.  L-għajnuna Komunitarja permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) tammonta għal madwar EUR 53 miljun, li jirrappreżentaw madwar 12 % tal-investimenti totali tal-UE allokati għall-kooperazzjoni interreġjonali u għall-programmi ta’ netwerking skont l-Objettiv tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea tal-Politika ta' Koeżjoni għall-2007-2013.

1. L-iskop u l-mira tal-programm

Il-Programm ta' Netwerk għall-Iżvilupp Urban URBACT II jimmira li jtejjeb l-effikaċja tal-politiki għall-iżvilupp urban u li jsaħħaħ il-kunċett komuni ta’ żvilupp urban integrat.  Dan isostni l-kapitalizzazzjoni u t-tixrid tal-għarfien u jikkontribwixxi b’mod attiv għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija (mġedda) ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-Istrateġija tal-UE dwar l-Iżvilupp Sostenibbli.

L-għan ewlieni tal-programm huwa li:

Jipprovdi għodda ta’ skambju u tagħlim għal dawk li jfasslu l-politika, operaturi u entitajiet oħra involuti fl-iżvilupp tal-politika urbana: URBACT II huwa pjattaforma ta’ skambju użata biex twaqqaf Netwerks Tematiċi u Gruppi ta’ Ħidma (“proġetti”) – kull proġett huwa magħmul essenzjalment minn bliet, iżda jistgħu jkunu involuti fih ukoll l-awtoritajiet lokali, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka;

  • Jikseb tagħlim mill-iskambji bejn dawk imsieħba fl-URBACT li jaqsmu l-esperjenzi u l-prassi tajba, jiġbed konklużjonijiet u jibni fuqhom billi juża approċċ tematiku kif ukoll għarfien espert;
  • Ixerred u jittrasferixxi l-prassi tajba fost l-ibliet Ewropej kollha kif ukoll it-tagħlim miksub permezz ta' dawn l-iskambji;
  • Jgħin lil dawk li jfasslu l-politika fl-ibliet, l-operaturi u l-maniġers tal-programmi operattivi biex jiddefinixxu pjanijiet ta’ azzjoni lokali b’impatt dirett fuq il-prassi u l-politika tal-iżvilupp urban lokali.

2. Impatt mistenni tal-investiment

B’kollox, il-programm URBACT II se jsostni 46 Netwerk Tematiku u 14-il Grupp ta’ Ħidma. Dawn kollha se jikkontribwixxu biex titjieb l-effikaċja tal-politika ta’ żvilupp urban u biex jissaħħaħ il-kunċett komuni ta’ żvilupp urban sostenibbli u integrat.

Sabiex iqawwi l-impatt lokali u n-natura eżemplari tal-iskambji, kull imsieħeb fil-proġett irid jiżviluppa Pjan ta’ Azzjoni Lokali, bl-għajnuna ta’ Grupp ta’ Sostenn Lokali. Inħolqu Poli Tematiċi biex jiffaċilitaw id-diskussjoni u l-attivitajiet ta’ skambju ta’ għarfien fost in-Netwerks Tematiċi u l-Gruppi ta’ Ħidma differenti. B’dan il-mod, URBACT II jista’ jikseb benefiċċju massimu mill-għarfien u mill-esperjenza disponibbli. Biex ikun hemm komunikazzjoni aħjar bejn URBACT u l-entitajiet lokali, twaqqfu Ċentri Nazzjonali ta’ Tixrid f'diversi Stati Membri.

URBACT II huwa strument importanti għall-inizjattiva “Reġjuni għall-Bidla Ekonomika”. Wieħed mill-elementi ewlenin tal-inizjattiva hu li toħloq konnessjoni bejn il-proġetti tal-URBACT II u l-Programmi Operattivi tal-Fondi Strutturali reġjonali jew nazzjonali rilevanti. Ir-rabtiet sodi previsti bejn l-amministrazzjonijiet tal-ibliet u l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni jistgħu għalhekk iwasslu għal benefiċċju reċiproku. L-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni jibbenefikaw minn applikazzjonijiet ta’ proġetti ppreparati aħjar u l-ibliet għandhom il-possibbiltà li jikkomunikaw u jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-iffinanzjar kompetenti. Il-Kummissjoni Ewropea qed tagħti lejbil ‘Fast Track’ li dawk in-netwerks URBACT li:

  • beħsiebhom jagħtu kontribuzzjoni vitali lil waħda mit-temi ta’ prijorità tal-inizjattiva “Reġjuni għall-Bidla Ekonomika”;
  • urew l-interess tagħhom li jaħdmu mill-qrib mal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni u mas-servizzi tal-Kummissjoni, u;
  • jissodisfaw sensiela ta’ kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea.

3. Prijorità

Il-prijoritajiet tal-programm URBACT fejn għandha x’taqsam il-kooperazzjoni, huma dawn li ġejjin:

Prijorità 1: L-Ibliet, Muturi tat-Tkabbir u l-Impjiegi [madwar 44 % tal-iffinanzjar totali tal-ERDF]

Is-sottotemi ewlenin huma dawn li ġejjin:

  • Il-Promozzjoni tal-Intraprenditorija;
  • It-Titjib tal-Innovazzjoni u tal-Ekonomija tal-Għarfien;
  • L-Impjiegi u l-Kapital Uman (il-possibbiltà ta’ impjieg, il-kwalifiki, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, is-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ, il-ħolqien tax-xogħol speċjalment għal gruppi u reġjuni żvantaġġati).

Prijorità 2: Bliet Attraenti u Magħquda [madwar 50 % tal-iffinanzjar totali tal-ERDF]

Is-sottotemi ewlenin koperti huma dawn li ġejjin:

  • l-iżvilupp integrat ta’ żoni żvantaġġati u żoni li jinsabu f’riskju li jsiru żvantaġġati – siti abbandunati, il-qalba tal-ibliet, żoni periferali żvantaġġati;
  • Integrazzjoni soċjali: l-alloġġ, l-immaniġġjar tal-immigrazzjoni, iż-żgħażagħ, is-saħħa, is-sigurtà, l-ICT, il-kultura;
  • Kwistjonijiet ambjentali: l-iskart, it-titjib tal-monitoraġġ tal-ambjent, it-titjib tal-kwalità tal-arja; il-kwalità u l-provvistà tal-ilma; l-enerġiji rinnovabbli, il-politiki integrati tat-trasport, il-bidla lejn soċjetà tar-riċiklaġġ;
  • Tmexxija u Ppjanar Urban: l-ippjanar urban, it-tmexxija fuq ħafna livelli, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, it-temxxija territorjali (orizzontali u vertikali).

Prijorità 3: Għajnuna Teknika [6 % tal-iffinanzjar totali tal-ERDF]

Teżisti għajnuna teknika biex tiżgura l-immaniġġjar effiċjenti u effettiv tal-programm URBACT II. Din l-għajnuna qed tiġi fdata prinċipalment f’idejn is-Segretarjat tal-URBACT mill-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-programm.

Informazzjoni Finanzjarja u Teknika

Programm Operattiv 'URBACT II'

It-Tip ta’ Intervent

Il-Programm Operattiv

Nru. tas-CCI

2007CB163PO048

Number of decision

C (2007) 4454 final

Id-data finali ta’ l-approvazzjoni

02/10/2007

It-tkissir tal-finanzi bl-assi tal-prijorita

L-assi ta' Prijorita Investiment tal-UE Il-kontribuzzjoni Nazzjonali Pubblika Il-Kontribuzzjoni Totali Pubbliku
L-Ibliet, Muturi tat-Tkabbir u l-Impjiegi 23 462 849 5 420 144 28 882 993
Bliet Attraenti u Magħquda 26 657 170 6 454 108 33 111 278
Għajnuna teknika 3 199 151 2 624 453 5 823 604
Totali 53 319 170 14 498 705 67 817 875