Il-Programm Operattiv 'Programm tal-Mediterran'

Programm ta' Kooperazzjoni Transnazzjonali taħt l-Objettiv tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF)

Franza

 Għodod addizzjonali

  •  
  •  Ċekken it-test  
  •  Kabbar it-test  

Fl-20 ta' Diċembru 2007, il-Kummissjoni Ewropea approvat programm ta' kooperazzjoni transnazzjonali bejn Ċipru, Franza, Renju Unit, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja (+ IPA : HR, BA, ME, AL) għall-perjodu 2007-2013: Il-Programm “Mediterran” huwa fi ħdan il-qafas kif stipulat għall-Objettiv tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u għandu baġit ta' madwar € 256 miljun. Il-finanzjament tal-Komunità permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) jammonta għal xi € 193 miljun, li jirrappreżenta madwar 2.2 % ta' l-investiment totali ta' l-UE immirat għall-Objettiv tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea taħt il-Politika ta' Koeżjoni għall-2007-13.

1. L-għan u l-mira tal-Programm

Il-Programm jimmira biex isaħħaħ l-ekonomija tar-reġjun sabiex ikunu assigurati tkabbir u xogħol għal ġenerazzjonijiet futuri. Huwa jimmira wkoll biex jappoġġja koeżjoni territorjali u jitjiebu l-protezzjoni ambjentali tar-reġjun u l-kredenzjali ta' l-iżvilupp sostenibbli.

2. L-impatt mistenni ta' l-investiment

Il-Programm Operattiv mistenni:

  • ixerred teknoloġiji u għerf tas-sengħa innovattivi;
  • isaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika bejn awtoritajiet pubbliċi u korpi ta' l-iżvilupp ekonomiku;
  • jipproteġi u jsaħħaħ riżorsi u wirt naturali;
  • jippromwovi l-enerġija rinnovabbli u effiċjenza fl-enerġija;
  • inaqqas ir-riskji marittimi u jtejjeb is-sigurtà fil-baħar Mediterran; kif ukoll
  • itejjeb l-aċċessibbiltà għall-baħar u l-portijiet lokali permezz ta' l-użu ta' soluzzjonijiet ta' trasport b'diversi mezzi.

Il-Programm se jiffinanzja wkoll proġetti li għandhom il-mira li jipprevjenu u jiġġieldu d-diżastri naturali. Se jkunu allokati flus ukoll biex ikun appoġġjat l-użu aħjar ta' teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs) f'żoni remoti u biex jissaħħu r-rabtiet kulturali madwar ir-reġjun kollu. Barra minn dan, il-Programm qed iwiegħed li jwassal koordinazzjoni aħjar ta' politiki ta' żvilupp u titjib fil-governanza territorjali.

3. Prijoritajiet

Il-Programm Operattiv huwa mfassal madwar il-fusien li ġejjin ta' prijorità:

Il-Prijorità 1: Tisħiħ ta' kapaċitajiet fl-innovazzjoni [madwar 30.0 % tal-finanzjament totali]

Il-potenzjal teknoloġiku, eknomiku u organizzattiv tar-reġjun tal-Mediterran għandu jkun sfruttat bis-sħiħ sabiex ikun iggarantit l-ogħla livell ta' kompetittività, żvilupp u tkabbir fis-snin li ġejjin.

L-ekonomija hija karatterizzata minn differenzi reġjonali, u operaturi ekonomiċi li jmexxu n-negozju tagħhom b'mod frammentat ħafna. Il-Programm għalhekk għandu l-mira li jħeġġeġ it-trasferiment ta' teknoloġija u għerf tas-sengħa biex jissaħħu s-sinerġiji u tkun iġġenerata l-massa kritika bejn dawn l-operaturi ekonomiċi. Se jkun ipprovdut appoġġ ukoll biex tkun iddiversifikata l-attività ekonomika fl-ifqar żoni tar-reġjun. Intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (IŻM) se jkunu mistennija wkoll li jsaħħu r-rabtiet internazzjonali tagħhom, b'għajnuna mill-Programm.

Il-Prijorità 2: Protezzjoni ta' l-ambjent u l-promozzjoni ta' żvilupp territorjali sostenibbli [madwar 34.0 % tal-finanzjament totali]

Minħabba l-fattizzi ġeografiċi diversi tagħha, iż-żona tal-Programm hija soġġetta għal għadd kbir ta' pressjonijiet ambjentali li jheddu l-bijodiversità, il-ħabitat marittimu, ir-riżorsi ta' l-ilma u l-wirt kulturali tagħha. L-attività tal-bniedem, bħas-sajd żejjed u l-agrikoltura intensiva, huma l-aktar li jaħtu għal dan.

Bi tweġiba għal dawn il-pressjonijiet, il-Programm se jiffinanzja miżuri biex ikun imħares l-ambjent u jkunu promossi prattiċi ta' żvilupp sostenibbli. Organizzazzjonijiet li huma responsabbli minn żvilupp reġjonali, ippjanar u setturi relatati se jkunu mistennija li jikkooperaw sabiex ikun assigurat li r-riżorsi u l-wirt naturali tal-Mediterran ikunu mmexxija, ippriservati u żviluppati b'mod responsabbli.

Il-Prijorità 3: Titjib tal-mobbiltà u l-aċċessibbiltà territorjali [madwar 20.0 % tal-finanzjament totali]

Xi partijiet tal-Mediterran – partikolarment żoni iżolati, gżejjer u żoni rurali – ma tantx huma kollegati tajjeb bejniethom u ma' reġjuni ġirien. Fl-istess ħin, l-iżvilupp ekonomiku, it-turiżmu u ż-żieda fiċ-ċaqliq ta' prodotti u nies qed joħolqu pressjoni fuq iż-żoni kostali u urbani tal-Mediterran, kif ukoll fuq il-kuriduri tat-trasport prinċipali tiegħu.

Din il-prijorità għandha l-mira li ġġib titjib fil-kollegamenti tat-trasport biex jingħataw spinta l-mobbiltà u l-kollegamenti territorjali. L-ICTs jeħtieġu wkoll ikunu armati b'mod aktar effettiv biex jgħinu lil żoni remoti jikkollegaw mal-bqija tas-soċjetà. L-isfruttar bis-sħiħ ta' teknoloġiji ġodda mistenni jtejjeb ukoll il-prestazzjoni ekonomika, finanzjarja u amministrattiva tar-reġjun kollu kemm hu.

Il-Prijorità 4: Promozzjoni ta' spazju MED poliċentriku u integrat [madwar 10.0 % tal-finanzjament totali]

Bosta ċentri urbani koperti mill-Programm jiftaħru b'livelli għolja ta' kompetittività, il-Prodott Gross Domestiku (PDG) ras għal ras u l-kapaċità xjentifika. Dawn l-oqsma juru konċentrazzjonijiet ta' livelli ta' ġid u servizzi li huma f'kuntrast qawwi ma' bosta mir-reġjuni rurali fl-intern tal-pajjiż tagħhom. Il-Programm għandu l-mira li jsaħħaħ il-kollegamenti bejn żoni urbani u rurali u jaħseb biex itejjeb il-governanza fuq firxa ta' temi ta' żvilupp relevanti. Attivitajiet bħal dawn se jgħinu biex tingħata spinta lill-kompetittività u jkun assigurat li d-differenzi territorjali ma jikbrux aktar.

Il-Programm se jippromwovi wkoll inizjattivi li għandhom il-mira li jsaħħu l-identità u l-kultura tal-Mediterran quddiem l-isfidi mill-globalizzazzjoni ekonomika u l-kompetizzjoni internazzjonali.

Il-Prijorità 5: Assistenza teknika [madwar 6.0 % tal-finanzjament totali]

Se tkun ipprovduta assistenza teknika biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-Programm.

Informazzjoni Finanzjarja u Teknika

Il-Programm Operattiv 'Programm tal-Mediterran'

It-Tip ta’ Intervent

Il-Programm Operattiv

Nru. tas-CCI

2007CB163PO045

Number of decision

C/2007/6578

Id-data finali ta’ l-approvazzjoni

20/12/2007

It-tkissir tal-finanzi bl-assi tal-prijorita

L-assi ta' Prijorita Investiment tal-UE Il-kontribuzzjoni Nazzjonali Pubblika Il-Kontribuzzjoni Totali Pubbliku
Tisħiħ ta' kapaċitajiet fl-innovazzjoni 57 957 399 19 009 318 76 966 717
Protezzjoni ambjentali u promozzjoni ta' żvilupp territorjali sostenibbli 65 685 053 21 543 894 87 228 946
Titjib fil-mobbiltà u l-aċċessibbiltà territorjali 38 638 266 12 672 879 51 311 145
Promozzjoni ta' spazju Med poliċentriku u integrat 19 319 133 6 336 439 25 655 572
Assistenza teknika 11 591 480 3 863 827 15 455 306
Totali 193 191 331 63 426 357 256 617 686