Il-Politika ta' Koeżjoni l-ġdida

Għall-baġit tal-UE li jmiss fuq perjodu twil għas-snin 2021-2027, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li timmodernizza l-Politika ta' Koeżjoni, il-politika ta' investiment ewlenija tal-UE u waħda mill-iktar espressjonijiet konkreti ta' solidarjetà.

 Għodod addizzjonali

 

Aħbarijiet

    Illum il-Kummissjoni qed iġġedded l-inizjattiva “Skala tal-Eċċellenza”, biex tkompli tipprovdi appoġġ u għarfien espert imfassla apposta lir-reġjuni li għadhom lura f'dak li għandu x'jaqsam ma' innovazzjoni.

    Din l-inizjattiva se tgħin lir-reġjuni jiżviluppaw, jaġġornaw u jirfinaw l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom – jiġifieri, l-istrateġiji ta' innovazzjoni reġjonali tagħhom imsejsa fuq oqsma speċifiċi tar-reġjuni tal-qawwiet kompetittivi – qabel jibda l-perjodu baġitarju 2021-2027. Din se tgħinhom ukoll jidentifikaw ir-riżorsi adegwati tal-UE biex jiffinanzjaw il-proġetti innovattivi, u jingħaqdu ma' reġjuni oħra b'assi simili biex joħolqu raggruppamenti ta' innovazzjoni.

    Wara l-proposti tal-Kummissjoni għall-Politika ta' Koeżjoni futura, u l-programm il-ġdid “Orizzont Ewropa”, f'konformità mal-aġenda mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, tal-Kummissjoni, l-“Iskala ta' Eċċellenza” hija mod ieħor kif il-Kummissjoni qed tgħin lir-reġjuni tal-Ewropa jħejju għall-ġejjieni, bi strateġiji ta' innovazzjoni solidi appoġġati mill-fondi tal-UE fil-bagit fit-tul tal-UE li jmiss għall-2021-2027.

    Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Corina Creţu qalet: “Speċjalizzazzjoni intelliġenti se tkun dejjem aktar importanti minn qatt qabel fil-perjodu wara l-2020. Biex dawn l-istrateġiji jesprimu l-potenzjal sħiħ tagħhom fis-snin li ġejjin, għandna bżonn żewġ affarijiet: iktar sħubija u appartenenza akbar, speċjalment f'dawk ir-reġjuni li l-aktar għandhom bżonn ilaħħqu mal-oħrajn. Din l-inizjattiva se tgħin biex tħejji t-triq għall-istrateġiji ta' innovazzjoni solidi fil-perjodu ta' wara l-2020.

    L-inizjattiva, ikkoordinata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, se tipprovdi lir-reġjuni b'erba' forom ta' appoġġ:

    1. Il-Kummissjoni u l-esperti esterni se jgħinu lir-reġjuni jidentifikaw l-oqsma għal titjib fl-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom, fis-sistemi ta' innovazzjoni reġjonali tagħhom (il-kwalità tar-riċerka pubblika, ir-rabtiet effiċjenti kummerċjali-xjentifiċi u ambjenti favur in-negozju) u fil-mod ta' kif jikkooperaw ma' reġjuni oħra fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni.
    2. L-esperti se jgħinuhom ukoll biex jisfruttaw il-potenzjal kollu tas-sorsi ta' finanzjament, bħal Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitaliu l-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni, u jikkombinawhom permezz ta' opportunitajiet ġodda għal sinerġiji, offruti mill-proposti tal-Kummissjoni għall-fondi tal-UE 2021–2027.
    3. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se jgħin biex jidentifika u jirrimedja l-ostakoli speċifiċi għall-innovazzjoni reġjonali, bħalma huma n-nuqqas ta' interazzjoni bejn l-oqsma tan-negozji lokali u d-dinja akkademika jew il-parteċipazzjoni baxxa fil-programm attwali Orizzont 2020.
    4. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se jorganizza wkoll opportunitajiet ta' netwerking u gruppi ta' ħidma għar-reġjuni biex jiltaqgħu u jiskambjaw prattiki tajba fil-bini ta' strateġiji ta' innovazzjoni reġjonali. Dan se jiffaċilita wkoll l-iżvilupp ta' sħubijiet għal investimenti interreġjonali fl-innovazzjoni.

    Il-passi li jmiss

    L-inizjattiva mġedda se tibda dan is-sajf, għal sentejn. Ir-reġjuni jistgħu jimmarkaw l-interess tagħhom u jipparteċipaw permezz tal-Pjattaforma ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti.

    Għal aktar informazzjoni:

    Għall-baġit tal-UE li jmiss fuq perjodu twil għas-snin 2021-2027, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li timmodernizza l-Politika ta' Koeżjoni, il-politika ta' investiment ewlenija tal-UE u waħda mill-iktar espressjonijiet konkreti ta' solidarjetà.

    L-ekonomija tal-UE qiegħda tirpilja, iżda huma meħtieġa sforzi addizzjonali ta' investiment biex jiġu indirizzati d-diverġenzi persistenti bejn Stat Membru u ieħor, kif ukoll fi ħdan l-istess Stati Membri. B'baġit ta' EUR 373 biljun[1] f'impenji għall-2021-2027, il-Politika ta' Koeżjoni futura għandha s-setgħa li tinvesti sabiex tgħin fit-tnaqqis ta' dawn il-lakuni. Ir-riżorsi se jkompli jiġu ffokati lejn dawk ir-reġjuni li jeħtieġu l-iktar li jlaħħqu mal-bqija tal-UE. Fl-istess ħin se tibqa' wkoll rabta diretta u b'saħħitha bejn l-UE u r-reġjuni u l-bliet tagħha.

    Il-Viċi-President responsabbli għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompettittività, Jyrki Katainen, qal: “Fl-10 snin li ġejjin, il-Politika ta' Koeżjoni se tgħin lir-reġjuni kollha jimmodernizzaw l-industrija tagħhom u jinvestu fl-innovazzjoni u t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkulari b'karbonju baxx. Barra minn hekk, il-proposta tagħna se tikkontribwixxi iktar għal ambjent konduċiv għan-negozju fl-Ewropa, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet proprji għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment.”

    Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Corina Crețu qalet: “Illum nipproponu Politika ta' Koeżjoni għar-reġjuni kollha, li ma tħalli ‘l ħadd warajha. Għamilnieha iktar flessibbli, biex tadatta għal prijoritajiet ġodda u tipproteġi aħjar liċ-ċittadini tagħna. Għamilna r-regoli iktar sempliċi u dan se jibbenifika minnu kulħadd, minn negozji żgħar u intraprendituri sa skejjel u sptarijiet li se jkollhom aċċess iktar faċli għall-fondi.”

    Il-karatteristiċi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni għal Politika ta' Koeżjoni modernizzata huma:

    1. Iffukar fuq prijoritajiet kruċjali ta' investiment, fejn l-UE tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tikseb riżultati: Il-biċċa l-kbira tal-investimenti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni huma allokati għall-innovazzjoni, l-appoġġ għan-negozji ż-żgħar, it-teknoloġija diġitali u l-modernizzazzjoni industrijali. Se jkunu allokati wkoll lejn il-bidla għal ekonomija ċirkulari b'karbonju baxx u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, biex nilħqu l-miri tal-Ftehim ta' Pariġi.

    2. Politika ta' Koeżjoni għar-reġjuni kollha u approċċ iżjed speċifiku għall-iżvilupp reġjonali:

    • Investiment fir-reġjuni kollha: Reġjuni li għadhom lura f'termini ta' tkabbir u ta' dħul – l-aktar li jinsabu fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ewropa – se jkomplu jibbenefikaw minn appoġġ importanti tal-UE. Il-Politika ta' Koeżjoni se tibqa' tinvesti fir-reġjuni kollha, billi madwar l-Ewropa ħafna minnhom – anki fl-Istati Membri l-aktar sinjuri – ibatu biex jiksbu t-tranżizzjoni industrijali, jiġġieldu l-qgħad u biex jibqgħu kompetittivi f'ekonomija globalizzata;
    • Approċċ imfassal: Il-Politika ta' Koeżjoni żżomm tliet kategoriji ta' reġjuni: reġjuni inqas żviluppati, fi tranżizzjoni u iktar żviluppati. Biex jitnaqqsu d-diverġenzi u biex ir-reġjuni bi dħul u tkabbir baxx ilaħħqu mal-kumplament, il-PDG kull ras għadu l-kriterju predominanti fl-allokazzjoni tal-fondi. Barra minn hekk, kriterji l-ġodda għandhom l-għan li jirriflettu aħjar ir-realtà fuq il-post – il-qgħad fost iż-żgħażagħ, livelli baxxi ta' edukazzjoni, il-bidla fil-klima u l-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti;
    • Immexxija lokalment: Il-Politika ta' Koeżjoni 2021-2027 tirrappreżenta Ewropa li tagħti s-setgħa, billi tkompli tappoġġa strateġiji ta' żvilupp immexxija lokalment. Awtoritajiet lokali, urbani u territorjali se jkunu involuti iktar fil-ġestjoni ta' fondi tal-UE, filwaqt li rati akbar ta' kofinanzjament se jtejbu s-sjieda ta' proġetti ffinanzjati mill-UE f'reġjuni u bliet.

    3. Inqas regoli, li jkunu aktar ċari u iqsar, kif ukoll qafas aktar flessibbli:

    • Simplifikazzjoni tal-aċċess għall-fondi: Il-Kummissjoni tipproponi simplifikazzjoni tar-regoli fil-baġit li jmiss għat-tul tal-UE, b'anqas burokrazija u proċeduri ta' kontrolli eħfef għan-negozji u l-imprendituri li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-UE;
    • Ġabra unika tar-regoli: Seba' fondi tal-UE huma issa koperti minn sett uniku ta' regoli implimentati fi sħubija ma' Stati Membri (“ġestjoni kondiviża”), biex b'hekk ħajjet il-ġesturi tal-programmi ta' fondi tal-UE ssir aktar faċli. Dan se jiffaċilita s-sinerġiji, pereżempju bejn il-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni u l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, fejn jidol l-iżvilupp ta' strateġiji ta' integrazzjoni lokali għall-migranti. Il-qafas jippermetti wkoll rabtiet aktar effiċjenti ma' fondi oħra miis-sett ta' għodod tal-baġit tal-UE; pereżempju l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jitrasferixxu xi wħud mir-riżorsi tal-Politika ta' Koeżjoni tal-programm InvestEU.
    • Adattament għal ħtiġijiet: Barra minn hekk il-qafas il-ġdid jikkombina wkoll l-istabbilità meħtieġa għall-ippjanar fit-tul tal-investimenti mal-livell xieraq ta' flessibilità sabiex ikunu jistgħu jiġu koperti avvenimenti mhux previsti. Bis-saħħa ta' rieżami f'nofs it-terminu se jiġi determinat jekk ikunx hemm bżonn bidliet fil-programmi għall-aħħar sentejn tal-perjodu ta' finanzjament u se jkun possibbli li jsiru trasferimenti limitati ta' riżorsi fil-programmi bil-fondi tal-UE.

    4. Rabta aktar qawwija mas-Semestru Ewropew, sabiex jittejjeb l-ambjent tal-investiment fl-Ewropa: Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tissaħħaħ ir-rabta bejn il-Politika ta' Koeżjoni u s-Semestru Ewropew, biex jinħoloq ambjent ta' tkabbir u li jkun favorevoli għan-negozju fl-Ewropa, sabiex kemm l-investimenti tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali jkunu jistgħu jaslu għall-potenzjal sħiħ tagħhom. Dan l-appoġġ aktar qawwi mill-Politika ta' Koeżjoni għar-riformi strutturali se jiżgura koordinazzjoni u komplimentarjetà sħiħa mal-Programm ta' appoġġ ġdid u msaħħah għar-riformi.

    Għal iktar informazzjoni

    Mistoqsijiet u Tweġibiet

    Testi legali u skedi informattivi

Aktar aħbarijiet

L-Iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni wara l-2020: il‑qafas il-ġdid f’daqqa t’għajn

Aċċenn fuq ħames prijoritajiet ta’ investiment, fejn l-UE hija fl-aħjar pożizzjoni biex tagħti l-massimu

Bejn l-2027 u l-2021 ħames għanijiet ewlenin se jkunu l-mutur wara l-investimenti tal-UE::

L-investimenti fl-iżvilupp reġjonali se jkunu ffukati l-aktar fuq l-għanijiet 1 u 2. minn 65 % sa 85 % tar-riżorsi tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni se jkunu allokati għal dawn il-prijoritajiet, skont il-ġid relattiv tal-Istati Membri.

Ewropa Aktar Intelliġenti, permezz tal-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, trasformazzjoni ekonomika u appoġġ għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

a Ewropa aktar Ekoloġika u ħielsa mill-karbonju, permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-investiment fit-tranżizzjoni tal-enerġija, l-enerġiji rinnovabbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Ewropa Aktar Konnessa, permezz ta’ trasport strateġiku u netwerks diġitali

Ewropa Aktar Soċjali, li tagħti riżultati fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tagħti appoġġ lill-impjiegi ta’ kwalità, l-edukazzjoni, il-ħiliet, l-inklużjoni soċjali u l-aċċess indaqs għas-servizzi tas-saħħa

Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini, permezz tas-sostenn ta’ strateġiji ta’ tkabbir ġestiti lokalment u ta’ żvilupp urban sostenibbli madwar l-UE.

Approċċ aktar individwalizzat għall-Iżvilupp reġjonali

Il-Politika ta’ Koeżjoni tibqa’ tinvesti fir-reġjuni kollha, dejjem fuq il-bażi ta’ tliet kategoriji (inqas żviluppati; fi tranżizzjoni; aktar żviluppati).

Il-metodu ta’ allokazzjoni tal-fondi għadu ġeneralment ibbażat fuq il-PDG per capita. Qed jiżdiedu kriterji ġodda (il-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-livelli baxx tal-edukazzjoni, it-tibdil fil-klima, u kif jintlaqgħu u jiġu integrati l-migranti) sabiex ikunu jirriflettu aħjar ir-realtà fil-post. Ir-reġjuni ultraperiferiċi se jkomplu jibbenefikaw minn sostenn speċjali tal-UE.

Il-Politika ta’ Koeżjoni se tkompli tappoġġa strateġiji ta’ żvilupp ġestiti lokalment u tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet lokali fil-ġestjoni tal-fondi. Id-dimensjoni urbana tal-Politika ta’ Koeżjoni hija msaħħa wkoll, b’6 % tal-FEŻR iddedikati għall-iżvilupp urban sostenibbli, u programm ta’ networks ġodda u ta’ bini tal-kapaċità għall-awtoritajiet urbani, l-Inizjattiva Urbana Ewropea.

Simplifikazzjoni: regoli li huma iqsar, inqas u aktar ċari

80 miżura ta’ simplifikazzjoni fil-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 PDF

Għall-impriżi u għall-imprendituri li jibbenefikaw mis-sostenn tal-UE, il-qafas il-ġdid joffri inqas burokrazija, b’modi aktar sempliċi biex jintalbu l-pagamenti li jużaw għażliet ta’ spejjeż simplifikati. Sabiex ikun hemm sinerġiji aħjar, ġabra unika ta’ regoli issa tkopri seba’ fondi tal-UE implimentati fi sħubija mal-Istati Membri (“ġestjoni kondiviża”). Il-Kummissjoni tipproponi wkoll kontrolli eħfef għall-programmi li fil-passat ikunu kisbu riżultati tajbin, b’dipendenza akbar fuq is-sistemi nazzjonali u l-estensjoni tal-prinċipju tal-“awditu uniku”, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kontrolli.

Qafas aktar flessibbli

Il-qafas il-ġdid jgħaqqad l-istabbiltà meħtieġa fl-ippjanar tal-investiment b’livell xieraq ta’ flessibilità baġitarja biex jiġu indirizzati avvenimenti mhux previsti. Rieżami ta’ nofs it-terminu se jiddetermina jekk hemmx bżonn isir tibdil fil-programmi għall-aħħar sentejn tal-perjodu ta’ finanzjament, fuq il-bażi ta’ prijoritajiet emerġenti, il-prestazzjoni tal-programmi u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi l-aktar reċenti.

F’ċerti limiti, se jkunu possibbli trasferimenti ta’ riżorsi fil-programmi mingħajr il-ħtieġa ta’ approvazzjoni formali tal-Kummissjoni. Dispożizzjoni speċifika tagħmilha aktar faċli biex jiġi mobilizzat il-finanzjament tal-UE sa mill-bidu nett f’każ ta’ diżastru naturali.

Rabta msaħħa mas-Semestru Ewropew u mal-governanza ekonomika tal-Unjoni

Il-Politika ta’ Koeżjoni tappoġġa li jsiru riformi għal ambjent favur l-investiment, fejn l-impriżi jistgħu jirnexxu. Se jkunu ggarantiti komplimentarjetà u koordinazzjoni totali mal-Programm ta’ Appoġġ għar-Riformi ġdid u msaħħaħ.

Ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi fformulati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew se jitqiesu darbtejn matul il-perjodu baġitarju: fil-bidu, meta jitfasslu l-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni, u waqt ir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Sabiex il-kundizzjonijiet tajbin għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi jkomplu jiġu konsolidati, kundizzjonijiet ġodda “favorevoli” se jgħinu biex jitneħħew l-ostakli għall-investimenti. Matul il-perjodu finanzjarju se jsir monitoraġġ tal-applikazzjoni tagħhom.

Aktar opportunitajiet għal sinerġiji fis-sett ta’ għodod tal-baġit tal-UE

Il-ġabra unika ta’ regoli li tkopri l-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni se jiffaċilita l-istabbiliment ta’ strateġiji lokali għall-integrazzjoni tal-migranti appoġġati minn riżorsi tal-UE li jintużaw f’sinerġija; il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni se jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-migranti f’terminu qasir hekk kif jaslu filwaqt li l-Politika ta’ Koeżjoni se tappoġġa l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom. Lil hinn mill-ġabra unika tar-regoli, se jiġu aġevolati s-sinerġiji ma’ strumenti oħra tal-UE, bħall-Politika Agrikola Komuni, Orizzont Ewropa, il-programm LIFE jew Erasmus +.

L-Interreg: it-tneħħija tal-ostakli transfruntieri u l-appoġġ għall-proġetti ta’ innovazzjoni interreġjonali

Il-kooperazzjoni interreġjonali u transfruntiera se tiġi ffaċilitata permezz tal-possibbiltà ġdida li reġjun juża partijiet mill-allokazzjoni tiegħu biex jiffinanzja proġetti kullimkien fl-Ewropa flimkien ma’ reġjuni oħra.

Il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ programmi ta’ kooperazzjoni interreġjonali u transfruntieri (“Interreg”) se jgħinu biex l-Istati Membri jegħlbu l-ostakoli transfruntieri u jiżviluppaw servizzi konġunti. Il-Kummissjoni tipproponi strument ġdid għal reġjuni u Stati Membri tal-fruntiera li jixtiequ jarmonizzaw l-oqfsa legali tagħhom, il-Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew.

Filwaqt li tibni fuq is-suċċess tal-azzjoni pilota mill-2014 sal-2020, il-Kummissjoni tipproponi li toħloq l-Investimenti Innovattivi Interreġjonali. Reġjuni b’assi ekwivalenti ta’ “speċjalizzazzjoni intelliġenti” se jingħataw aktar appoġġ biex jinbnew raggruppamenti pan-Ewropej f’setturi prijoritarji bħalma huma Big Data, l-ekonomija ċirkolari, il-manifattura avvanzata jew iċ-ċibersigurtà.

Regoli msaħħa għal prestazzjoni aħjar tal-investimenti tal-UE

Il-programmi kollha xorta se jkollhom qafas ta’ prestazzjoni b’miri kwantifikabbli (għadd ta’ impjiegi maħluqa jew aċċess addizzjonali għall-broadband). Il-qafas il-ġdid jintroduċi rieżami annwali tal-prestazzjoni, filforma ta’ djalogu politiku bejn l-awtoritajiet tal-programm u l-Kummissjoni. Wat ir-rieżami ta’ nofs it-terminu se tiġi vvalutata wkoll il-prestazzjoni tal-programmi. Minħabba raġunijiet ta’ trasparenza, u sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu l-progress li jkun sar, l-Istati Membri se jkollhom jirrapportaw id-data kollha ta’ implimentazzjoni kull xahrejn u l-Pjattaforma tad-Data Miftuħa ta’ Koeżjoni se tiġi aġġornata awtomatikament.

Żieda fl-użu tal-għodda finanzjarji

Is-sovvenzjonijiet waħedhom ma jistgħux jindirizzaw id-diskrepanzi sinifikanti fl-investiment. Dawn jistgħu jiġu kkomplementati b’mod effiċjenti mill-istrumenti finanzjarji, li għandhom effett ta’ lieva u huma eqreb tas-suq. Fuq bażi volontarja, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jittrasferixxu parti mir-riżorsi tagħhom tal-Politika ta’ Koeżjoni lill-fond ġdid u ġestit ċentralment InvestEU, biex ikollhom aċċess għall-garanzija li jipprovdi l-baġit tal-UE. L-ikkombinar tassovvenzjonijiet u tal-istrumenti finanzjarji huwa aġevolat u l-qafas il-ġdid jinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċjali biex jattira aktar kapital privat.

Aktar sforzi ta’ komunikazzjoni biex tikber il-viżibbiltà tal‑politika ta’ koeżjoni

Għal Ewropa aktar qrib iċ-ċittadini, qed tingħata aktar enfasi lill-ħtieġa li jiġu kkomunikati aħjar ir-riżultati pożittivi tal-Politika ta’ Koeżjoni. L-Istati Membri u r-reġjuni saħħew ir-rekwiżiti tagħhom f’dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni, bħall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti meta jiġu varati proġetti kbar iffinanzjati mill-UE u l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ diffużjoni fuq il-media soċjali.

Fl-istess ħin, il-komunikazzjoni dwar il-proġetti ffinanzjati mill-UE hija ssimplifikata, b’marka waħda li tkopri l-fondi kollha differenti tal-UE, portal wieħed li jippreżenta l-finanzjament kollu disponibbli għall-impriżi u bażi tad-data wieħed immexxi mill-Kummissjoni.

Żjarat fil-bliet kapitali

Il-proposti tal-Kummissjoni se jiġu ppreżentati: