L-Ambjent u l-Bidla fil-Klima

Il-politiki tal-iżvilupp reġjonali jridu jkunu sostenibbli. Ġew allokati aktar fondi minn qatt qabel għal inizjattivi favur l-ambjent fil-perjodu 2007-2013. L-ambjent jista’ jkun sors ta’ tkabbir ekonomiku, jew billi jħeġġeġ teknoloġiji nodfa innovattivi għax b'hekk ikattar l-użu ta' enerġija effiċjenti u jibni l-ekoturiżmu, jew inkella billi jsebbaħ il-postijiet billi jiżgura l-ħarsien tal-ambjent naturali.

L-iżgurar ta’ żvilupp sostenibbli u livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali huma meħtieġa fil-politiki kollha tal-Unjoni Ewropea. Huwa għalhekk li l-Istati Membri jridu jwettqu evlwazzjonijiet tal-impatt ambjentali u jikkonsultaw l-awtoritajiet ambjentali u l-pubbliku meta jimplimentaw kategoriji partikolari ta’ proġetti, anki meta jkunu appoġġjati finanzjarjament mill-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Madankollu, lil hinn minn kwistjonijiet ta’ konformità, id-dispożizzjonijiet legali u l-linjigwida dwar il-politika reġjonali jenfasizzaw li l-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali jridu jiġu integrati. L-iżvilupp reġjonali jista' jkun sostenibbli biss jekk jirrispetta l-ambjent. Għaldaqstant, il-politika reġjonali tal-UE tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-inizjattivi dwar it-trasport, l-eneġija u l-infrastruttura, kif ukoll miżuri dwar il-ħarsien tal-kwalità tal-ilma, l-arja u l-ħamrija.

Ir-Reġjuni madwar l-Ewropa se jkomplu dejjem aktar iħabbtu wiċċhom ma’ tibdil klimatiku, u sfidi ġodda fejn tidħol il-provvista u l-effiċjenza tal-enerġija. Dawn l-isfidi għandhom ivarjaw skont ir-reġjun. Filwaqt li 7% tal-popolazzjoni tal-Unjoni tgħix f’żoni li jistgħu jinħakmu minn għargħar, madwar 9% tgħix f’żoni b'iktar minn 120 jum fis-sena bla ilma. L-impatti kollha tat-tibdil klimatiku se jwasslu għal mistoqsijiet serji ġeneralment dwar il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin tal-UE, iżda se joħolqu sfidi settorjali aktar speċifiċi f'ċertu reġjuni tal-UE, per eżempju fit-turiżmu u l-agrikoltura.

Il-politika ta’ koeżjoni jista’ jkollha sehem importanti fl-appoġġ tal-isforzi biex nadattaw għat-tibdil fil-klima u nnaqqsu l-impatti negattivi fir-reġjuni. Tista' tappoġġa wkoll miżuri ta’ adattament f’infrastrutturi ġodda jew dawk li diġà jeżistu. Tappoġġa l-innovazzjoni ekoloġika, il-miżuri dwar il-ħarsien tal-ambjent mir-riskji u l-intrapriżi nodfa, u tista’ toħloq suq ta’ opportunitajiet għan-negozji.

Bejn l-2007 u l-2013, l-ammont totali tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni allokati għall-programmi tal-ambjent irdoppja mill-perjodu ta’ qabel għal madwar €100 biljun - 30% tat-total. Nofs dan l-investiment se jkun iddedikat għall-investimenti infrastrutturali diretti relatati mal-ilma u t-trattament tal-iskart, it-tiġdid ta’ siti kontaminati, it-tnaqqis tat-tniġġiż, u l-appoġġ tal-ħarsien tan-natura u l-prevenzjoni tar-riskju. In-nofs l-ieħor għandu jmur f’investimenti indiretti b’impatt ambjentali fuq oqsma bħas-sistemi tat-trasport u l-enerġija, l-innovazzjoni ekoloġika, it-tmexxija tal-ambjent għan-negozju, ir-riġenerazzjoni urbana u rurali, u t-turiżmu ekoloġiku. Per eżempju, ’l fuq minn €7 biljuni huma mwarrba għall-appoġġ tal-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli.

 

Links Siewja:

L-aħħar aġġornament: