Ir-Raba' Forum Ewropew dwar il-Koeżjoni

Ħarsa ġenerali

Commissioner Danuta Hübner Bi pjaċir nippreżentalkom ir-“Raba’ Forum Ewropew dwar il-Koeżjoni” li ser isir fis-27 u t-28 ta’ Settembru 2007 fi Brussell. Dan l-avveniment ser ikun ibbażat fuq is-sejbiet u l-kwistjonijiet tar- Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali li l-Kummissjoni Ewropea adottat fit-30 ta’ Mejju 2007. Dan ser jinvolvi aktar minn 800 rappreżentant fuq livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali mill-Istati Membri kollha ta’ l-UE, il-pajjiżi kandidati u l-istituzzjonijiet ta’ l-UE.

Wara t-tkabbir reċenti u minħabba l-isfidi tal-globalizzazzjoni, il-bidla fil-klima u d-demografija, il-politika ta’ koeżjoni hija ta’ importanza kbira għad-dibattitu dwar il-futur ta’ l-Ewropa. Ir-riżultati tanġibbli tagħha għandhom effett fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħna. Ir-Raba’ Forum dwar il-Koeżjoni ser isaqsi mistoqsijiet dwar kif il-politika ta’ koeżjoni ta’ l-Unjoni jista’ jadatta għal sfidi ġodda u dwar kif din tista’ titwassal b’mod aħjar sabiex inkabbru kemm jista’ jkun l-impatt tagħha fil-futur.

Fl-okkażjoni tal-Forum dwar il-Koeżjoni, ser inniedi wkoll proċess ta’ konsultazzjoni madwar l-UE kollha. Ser ikun hemm websajt iddedikat għal dan l-iskop li ser jiġbor il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, reġjuni, bliet, istituzzjonijiet ta’ l-UE, imsieħba ekonomiċi u soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Jiena beħsiebni nippreżenta r-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni fir-rebbiegħa ta’ l-2008, flimkien mal-ħames rapport ta’ progress dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali..

Ninsab konvinta li l-avveniment ser ikun ta’ importanza politika kbira u li ser jiġbed attenzjoni kbira. Nistenna b’ħerqa biex nagħti merħba lilek u lill-kontribuzzjonijiet tiegħek għad-dibattitu.

 

Kummissarja Danuta Hübner