L-Irlanda ta’ Fuq: Il-Programm ta’ Paċi
Il-Programm PAĊI III (2007-2013) huwa programm distint ta’ fondi strutturali tal-UE. Għandu bħala għan li jsaħħaħ il-progress lejn soċjetà paċifika u stabbli, u li jippromwovi r-rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq u fir-Reġjun Konfinali tal-Irlanda.
Il-Programm jaqa’ taħt l-għan tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea. Għandu baġit totali ta’ € 333 miljun li € 225 miljun minnhom ġejjin mill-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Huwa jkopri l-Irlanda ta’ Fuq u r-Reġjun Konfinali tal-Irlanda (inklużi l-kontei ta’ Cavan, Donegal Leitrim, Louth, Monaghan u Sligo).
Il-programm PAĊI III huwa ġestit mill - Korp ta’ Programmi Speċjali tal-UE
.
Il-Programm għandu żewġ prijoritajiet:
Prijorità 1: Rikonċiljazzjoni tal-komunitajiet
Din għandha bħala għan li tisfida l-attitudnijiet lejn is-settariżmu u r-razziżmu u li tappoġġja s-solvien ta’ kunflitti u l-medjazzjoni fil-livell tal-komunità lokali. Hija tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ mudelli strateġiċi ta’ kollaborazzjoni bejn is-setturi pubbliċi, privati u komunitarji li jiffukaw fuq ir-rikonċiljazzjoni, id-diversità kulturali u l-ugwaljanza. Għandha bħala għan li tistabbilixxi inizjattivi transkomunitarji u transkonfinali sinifikanti li jtejbu l-fiduċja u t-tolleranza, u jnaqqsu l-livelli ta’ settariżmu u razziżmu.
Prijorità 2: Kontribuzzjoni għal soċjetà komuni
Din timmira li ġġib ir-riġenerazzjoni taż-żoni urbani, rurali u konfinali li jidhru mitluqin, issegregati, sottoużati, ta’ theddida u/jew ta’ skumdità u t-trasformazzjoni tagħhom fi spazji komuni. L-intervent ifittex li jindirizza l-problemi ta’ separazzjoni tal-komunitajiet fi ħdan is-soċjetà u jindirizza l-problemi bażi tas-settariżmu, ir-razziżmu u l-preġudizzju billi jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ ambjenti fiżiċi li mhumiex ‘immarkati’ b’simboli li jiddefinixxuh bħala territorju ta’ parti waħda tal-komunità iżda bħala wieħed miftuħ għal u li jilqa’ lil kulħadd.
It-Task Force għall-Irlanda ta' Fuq
Inizjattiva oħra tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq ħolqot it-Task Force għall-Irlanda ta' Fuq (NITF). Toriġina mill-ftehim biex ikun stabbilit mill-ġdid l-arraġament tal-qsim tal-poter fl-Irlanda ta' Fuq f'Mejju 2007 li jinvolvi żewġ partiti politiċi ewlenin. Il-President tal-Kummissjoni Barroso kien l-ewwel figura politika internazzjonali għolja li żar lil Ministru Ewlieni, is-Sinjur Ian Paisley u d-Deputat Ministru Ewlieni, Martin McGuinness. Barroso offra li jwaqqaf Task Force fi ħdan il-Kummissjoni sabiex din teżamina kif l-Irlanda ta' Fuq tkun tista' tibbenefika aħjar mill-politiki tal-UE, u kif tkun tista' tipparteċipa b'mod iktar attiv fil-proċess politiku tal-UE biex tiġġenera iktar prosperità.
L-NITF topera fi ħdan il-Kummissjoni taħt l-awtorità tal-Kummissarju tal-Politika Reġjonali u f'kooperazzjoni stretta mal-awtoritajiet tal-Irlanda ta' Fuq. Magħmula minn rappreżentanti tad-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea (DĠ) li għandhom rwol fit-trawwim tal-iżvilupp soċjoekonomiku (Agrikoltura, Edukazzjoni u Kultura, Intrapriża, Ambjent, Riċerka u Żvilupp, Trasport, Enerġija, Politika Reġjonali, Segretarjat Ġenerali u Soċjetà tal-Informazzjoni) u mmaniġjata mid-DĠ għall-Politika Reġjonali. Il-Bank ta' Investiment Ewropew ipparteċipa wkoll f'laqgħat tat-Task Force.
Din it-Task Force hija l-ewwel inizjattiva simili tal-Kummissjoni fejn inħolqot sħubija mill-qrib speċifkament ma' reġjun wieħed li tkopri għadd ta' oqsma politiki ewlenin. Is-servizzi tal-Kummissjoni u l-amministrazzjoni tal-Irlanda ta' Fuq stabbilew relazzjoni ta' fiduċja permezz tal-kuntatti informali, l-iskambji ta' informazzjoni u l-laqgħat konġunti.
F'April 2008, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar il-ħidma tagħha taħt l-NITF
, li elenka għadd ta' idejat u suggerimenti li l-Irlanda ta' Fuq tista' tistudja fl-oqsma politiki differenti. Ir-rapport intlaqa' favorevolment mill-Irlanda ta' Fuq li rreaġit billi fasslet pjan ta' azzjoni biex timplimenta s-suġġerimenti. L-azzjonijiet koprew għadd ta' oqsma inkluż il-kooperazzjoni tranżnazzjonali u bejn il-fruntieri, in-netwerking (inkluż in-netwerk PEACE u netwerks ta' innovazzjoni ma' reġjuni oħra fl-Ewropa), l-effiċjenza tal-enerġija u t-tibdil fil-klima, il-ħolqien tal-impjiegi u ż-żamma tal-opportunitajiet tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-ħiliet, l-investiment fir-riċerka u l-appoġġ għall-intrapriżi.
Il-President Barroso ltaqa' mal-Ministru Ewlieni Peter Robinson, u d-Deputat Ministru Ewlieni Martin McGuinness fi Brussell fid-9 ta' Diċembru 2010. Huwa afferma mill-ġdid l-impenn tal-Unjoni Ewropea għall-Irlanda ta' Fuq f' dikjarazzjoni wara l-laqgħa
.
Links utli:
- Il-Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013 fl-Irlanda ta’ Fuq



- Il-Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013 fl-Irlanda



- L-Uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea fl-Irlanda ta’ Fuq

- Korp ta’ Programmi Speċjali tal-UE



