Dan is-sit ġie arkivjat (12/08/2009)
12/08/2009
Print versionDecrease textIncrease text

Konsultazzjoni pubblika dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija mġedda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi u l-vetturi kummerċjali ħfief

Fis-7 ta' Frar il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-komunikazzjonijiet paralleli fuq ir-“Ir-riżultati tar-reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet” u dwar il-“Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21”. Kif intqal f'dawn il-komunikazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li ssegwi strateġija integrata bil-għan li sal-2012 tilħaq il-mira tal-UE ta' medja ta' 120g ta' dijossidu tal-karbonju (CO2) kull kilometru għall-karozzi l-ġodda.

Speċifikament, il-Kummissjoni pproponiet dan li ġej:

"Il-Kummissjoni se tkompli bl-avviċinament integrat tagħha bil-mira li twettaq l-għan tal-UE ta’ 120 g ta’ CO2/km sal-2012. Dan jista’ jintlaħaq permezz ta’ azzjoni konġunta bejn l-UE u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tipproponi qafas ta’ leġiżlazzjoni , jekk possibbli fl-2007 u mhux aktar tard minn nofs l-2008, biex tilħaq l-għan tal-UE ta’ 120 g/km ta’ CO2, li jiffoka fuq tnaqqis mandatorju tal-emissjonijiet CO2 biex jintleħaq l-għan ta’ 130 g/km għal kull flotta medja ġdida ta’ karozzi permezz ta’ miljoramenti fit-teknoloġija tal-vetturi b’magna, u jsir aktar tnaqqis ta’ 10 g/km ta’ CO2, jew l-ekwivalenti jekk teknikament neċessarju, permezz ta’ titjib teknoloġiku ieħor u permezz ta’ żieda fl-użu tal-bijofjuwils , speċifikament:

  1. li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi ta’ effiċjenza għas-sistemi tal-arja kkondizzjonata;
  2. it-twaħħil obbligatorju ta’ sistemi preċiżi għall-monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers;
  3. l-istabbiliment tal-limiti minimi tar-reżistenza tad-dawran tat-tajers fl-UE għal tajers imwaħħla fuq karozzi tal-passiġġieri u fuq vetturi kummerċjali ħfief;
  4. l-użu tal-indikaturi biex jinqalbu l-gerijiet, filwaqt li jiġi kkunsidrat kemm dawn il-mekkaniżmi jintużaw mill-konsumaturi f’kondizzjonijiet reali ta’ sewqan;
  5. il-progress fl-effiċjenza tal-fjuwil f’vetturi kummerċjali ħfief (vannijet) bl-għan li jintlaħqu l-175 g/km ta’ CO2 sa l-2012 u l-160 g/km ta’ CO2 sa 2015;
  6. żieda fl-użu tal-bijofjuwils li jimmassimizzaw il-prestazzjoni ambjentali.

Dawn ta’ hawn fuq se jiġu kkalkulati, immonitorjati, magħdudin u ma jgħoddux doppjament it-tnaqqis tad-CO2.

Lilhinn mill-qafas leġiżlattiv, l-istrateġija tal-Kummissjoni sabiex jitnaqqas is-CO2 għandha tħeġġeġ sforzi addizzjonali minn mezzi oħra ta’ trasport stradali (vetturi tqal, eċċ.), mill-Istati Membri (tassazzjoni relatata mas-CO2 u inċentivi fiskali oħra, l-użu tal-offerti pubbliċi, l-immaniġġjar tat-traffiku, l-infrastruttura, eċċ.) u mill-konsumaturi (għażla informata bħala xerrej, imġiba responsabbli fis-sewqan).

Din l-inizjattiva għandha tiġi kkunsidrata f'kuntest aktar wiesgħa tal-ġlieda kontra t-tibdil klimatiku. Għal bosta Ewropej, il-karozzi huma element importanti fil-ħajja ta' kuljum. Madankollu, l-użu tal-karozzi jħalli mpatt sinifikanti fuq it-tibdil klimatiku, hekk kif dan jammonta għal 12% tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) madwar l-UE. B'riżultat ta' dan l-Unjoni Ewropea mpenjat ruħha għal tnaqqis ambizzjuz fil-gassijiet b'effett serra u miri fit-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija għal-liema s-setturi relevanti kollha tal-ekonomija għandhom jikkontribwixxu.

Ikklikkja hawnhekk għal aktar tagħrif dwar il-proċess li jwassal mill-konsultazzjoni għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni finali: http://ec.europa.eu/environment/air/transport/co2/co2_home.htm

L-aħħar aġġornament: 16/02/2009  |Fuq