Erasmus+

Appoġġ Lingwistiku Onlajn

Appoġġ Lingwistiku Onlajn ta’ Erasmus+

L-Appoġġ Lingwistiku Onlajn (ALO) hu mfassal biex ikun ta' għajnuna għall-parteċipanti ta' Erasmus+ biex itejbu l-għarfien tagħhom tal-lingwa li biha jkunu se jaħdmu, jistudjaw jew iwettqu volontarjat barra l-pajjiż sabiex jibbenefikaw kemm jista' jkun mill-esperjenza.

Minħabba li n-nuqqas ta' kapaċitajiet lingwistiċi jibqa' wieħed mill-aktar ostakli ewlenin għall-parteċipazzjoni għal opportunitajiet Ewropej fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-mobilità taż-żgħażagħ, l-ALO jwassal biex l-appoġġ lingwistiku jkun aċċessibbli b'mod flessibbli u faċli. Jikkontribwixxi wkoll għall-għan speċifiku tal-programm Erasmus+, li huwa li jiġi promoss it-tagħlim tal-lingwa u d-diversità lingwistika.

Aktar minn 350,000 parteċipant ta’ Erasmus+ jittestjaw il-ħiliet ta’ lingwa tagħhom bl-ALO kull sena u għandhom l-opportunità li jtejbu l-livell tagħhom b’korsijiet tal-lingwa tal-ALO. Bħala medja, il-parteċipanti li jsegwu l-korsijiet attivament itejbu l-livell tagħhom b’tal-inqas livell wieħd tal-QKERL (Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi).

 

Dwar

Min jista’ jibbenefika minnu?

Bħalissa l-ALO hu disponibbli għal:Appoġġ Lingwistiku Onlajn

L-ALO hu disponibbli bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Kroat, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk u bl-Iżvediż li huma l-lingwi prinċipali ta’ aktar minn 90% tal-esperjenzi kollha ta’ Erasmus+.

Kif jaħdem?

Il-parteċipanti ta' Erasmus+ huma kapaċi jiddeterminaw l-abilità tagħhom fil-lingwa li se jużaw biex jistudjaw, jaħdmu jew iwettqu l-volontarjat, billi jagħmlu l-valutazzjoni tal-lingwa tal-ALO qabel jmorru barra l-pajjiż. Din il-valutazzjoni qabel it-tluq hija mandatarja għall-istudenti tal-edukazzjoni għolja, biex inkunu ċerti li jilħqu l-livell rakkomandat mill-organizzazzjoni li se tirċevihom (ħlief għal dawk l-istudenti li tkun il-lingwa ta' pajjiżhom jew f'każijiet ġustifikati). Ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni tal-lingwa ma jżommux lill-parteċipanti milli jieħdu sehem f’Erasmus+.

Il-parteċipanti li jixtiequ jtejbu l-abilità tal-lingwa tagħhom għandhom l-opportunità li jsegwu kors tal-lingwa onlajn qabel u waqt iż-żmien li jqattgħu barra l-pajjiż. L-aċċess għall-kors tal-lingwa jinkludi varjetà kbira ta’ attivitajiet ta’ Live Coaching, fosthom sessjonijiet ta’ tutoraġġ u MOOCs interattivi. Il-parteċipanti li diġà għandhom abilità suffiċjenti fil-lingwa ewlenija li tintuża fil-pajjiż barrani fejn sejrin (minimu ta' livell B2) jistgħu jagħmlu kors tal-lingwa fil-lingwa tal-pajjiż minflok, sakemm din il-lingwa hi disponibbli fl-ALO.

F’każijiet fejn il-lingwa ewlenija mhijiex koperta mill-ALO, l-appoġġ lingwistiku jingħata b’mezzi oħra mill-organizzazzjoni li tkun qed tibgħat jew dik li se tirċievi. Meta jaslu lura, il-parteċipanti jagħmlu valutazzjoni finali li tippermettilhom ikejlu l-progress li jkunu għamlu waqt iż-żjara tagħhom.

Kif tipparteċipa?

Jekk inti diġà ntgħażilt biex tmur barra l-pajjiż ma' Erasmus+ u tissodisfa l-kriterji ta' hawn fuq, l-istituzzjoni/organizzazzjoni tiegħek tibgħatlek login u password biex tidħol fil-pjattaforma tal-valutazzjoni u tal-kors tal-lingwa tal-ALO, jekk dan ikun applikabbli.

Għal aktar dettalji jekk jogħġbok ikkuntattja lill-istituzzjoni li qed tibagħtek jew lill-organizzazzjoni li qed tikkoordina, lill-Aġenzija Nazzjonali jew ikkonsulta l-mistoqsijiet frekwenti fuq is-sit web tal-ALO.

X’jaħsbu l-parteċipanti ta’ Erasmus+

Aqra l-intervisti mal-parteċipanti ta’ Erasmus+ li tgħallmu lingwa jew tejbu l-ħiliet ta’ lingwa tagħhom bl-ALO.

Appoġġ Lingwistiku Onlajn ta’ Erasmus+ għar-Refuġjati

Wara l-kriżi tal-migrazzjoni reċenti, il-Kummissjoni Ewropea fetħet l-ALO għal 100,000 refuġjat fuq perjodu ta’ 3 snin, aċċessibbli fuq bażi volontarja u bla ħlas, fejn iddedikat baġit ta’ €4 miljun. L-għan hu li dan ikun ta’ appoġġ għall-isforzi tal-pajjiżi tal-UE biex jintegraw lir-refuġjati fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-Ewropa u jkun żgurat l-iżvilupp tal-ħiliet. Minn meta ġiet varata din l-inizjattiva, ingħata aċċess għal aktar minn 53,000 kors tal-lingwa lir-refuġjati fil-pajjiżi parteċipanti.

Ara l-filmat u skopri kif Mohammed, mekkanik mill-Afganistan li wasal reċentement fil-Belġju, għamel progress impressjonanti fil-Franċiż bis-saħħa tal-ALO.

Aktar informazzjoni dwar l-Appoġġ Lingwistiku Onlajn ta’ Erasmus+ għar-Refuġjati.

 

Website feedback

Please note that we can only respond to issues concerning the Erasmus+ website. 

For general questions about Erasmus+, please contact your National AgencyNational Erasmus+ Office, or our helpdesk, EuropeDirect.