L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali

Ħarsa ġenerali

Erasmus+ jappoġġja l-iżvilupp professjonali ta' nies li jaħdmu fl-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) permezz ta' perjodi ta' taħriġ barra l-pajjiż.

Il-perjodi ta' taħriġ jistgħu jkunu kollokamenti f'impjieg jew perjodi ta' osservazzjoni f'istituzzjoni VET jew f'organizzazzjoni oħra rilevanti bbażata f'Pajjiż tal-programm Erasmus+.

Eżempji ta' organizzazzjonijiet bħal dawn jinkludu negozji, korpi pubbliċi, imsieħba soċjali, istituzzjonijiet ta' riċerka u organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Tul ta' żmien

Inkarigu ta' taħriġ irid idum minimu ta' jumejn u ma jistax idum iktar minn xahrejn. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.

Kundizzjonijiet

Biex titħarreġ barra l-pajjiż ma' Erasmus+, l-istituzzjoni tiegħek trid tkun parti minn proġett ta' mobilità VET ma' istituzzjoni jew organizzazzjoni oħra.

Qabel tibda t-taħriġ tiegħek, int, l-istituzzjoni tiegħek u l-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni riċeventi tagħmlu Ftehim ta' Mobilità. Dan id-dokument jistabbilixxi l-għanijiet ta' tagħlim, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħek u wkoll kif it-taħriġ tiegħek se jiġi formalment rikonoxxut.

Appoġġ finanzjarju

L-għotjiet tal-UE huma mfassla biex ikopru l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u sussistenza tiegħek matul iż-żmien li tqatta' barra l-pajjiż, kif ukoll joffru appoġġ organizattiv lill-istituzzjonijiet parteċipanti.

Għalkemm huma ffinanzjati mill-UE, l-għotjiet huma mmaniġġjati mill-istituzzjonjiet VET involuti u huma responsabbli biex iwettqu l-pagamenti lill-individwi.

Kif tapplika

Int ma tistax tapplika għal għotja bħala individwu. L-applikazzjonijiet iridu jsiru minn istituzzjonijiet VET li min-naħa tagħhom jagħżlu lill-kandidati għall-kompiti ta' taħriġ barra l-pajjiż mill-istaff tagħhom.

L-għażla tal-persunal għall-perjodi ta' taħriġ għandha tkun ġusta, trasparenti u ddokumentata kif xieraq.

Sir af aktar

Ikkuntattja lill-istituzzjoni VET tiegħek biex issib jekk dawn l-opportunitajiet humiex disponibbli għalik.

Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ ukoll toffri informazzjoni dettaljata dwar dawn l-opportunitajiet:

  • Ikkonsulta l-Parti B għall-kriterji tal-għoti, il-kriterji ta' eliġibbiltà, u r-regoli ta' finanzjament.

L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jgħinuk bil-mistoqsijiet u l-applikazzjonijiet.

Aqsam din il-paġna