Traineeships għall-istudenti

Ħarsa ġenerali

Erasmus+ jappoġġja t-traineeships (kollokamenti f'impjieg, internships, eċċ.) barra l-pajjiż għal studenti rreġistrati bħalissa f'istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja f'Pajjiżi tal-programm fil-livell ta' Baċċelerat jew Masters kif ukoll għal kandidati tad-dottorat. Dawn l-opportunitajiet huma miftuħin ukoll għall-gradwati reċenti.

Meta twettaq traineeship barra l-pajjiż ma' Erasmus+, tista' ttejjeb mhux biss il-ħiliet tiegħek ta' komunikazzjoni, tal-lingwa u dawk interkulturali, iżda wkoll tiggwadanja ħiliet personali li huma mfittxija ferm mill-impjegaturi tal-futur, kif ukoll issir aktar imprenditorjali. Aqra aktar dwar il-benefiċċji ta' skambju barra l-pajjiż.

Tista' wkoll tikkombina traineeship ta' Erasmus+ ma' perjodu ta' studju barra l-pajjiż.

L-aċċess għall-Appoġġ Lingwistiku Onlajn ta' Erasmus+ se jgħinek titgħallem il-lingwa użata fil-post tax-xogħol tiegħek.

Tul ta' żmien

It-traineeship tiegħek barra l-pajjiż tista' ddum minn minimu ta' xahrejn sa massimu ta' 12-il xahar.

Tista' tibbenefika minn skambju barra l-pajjiż ma' Erasmus+ ħafna drabi, jew bħala student jew bħala trainee, iżda ż-żmien totali barra l-pajjiż (perjodi ta' studji barra l-pajjiż inklużi) ma jistax jaqbeż 12-il xahar f'ċiklu wieħed ta' studju.

"Ċiklu" jirreferi għal-livell ta' studju kif definit mill-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK):

  1. L-ewwel ċiklu (Baċellerat jew ekwivalenti) QEK 5/6
  2. It-tieni ċiklu (Masters jew ekwivalenti) QEK 7
  3. It-tielet ċiklu (Dottorat jew ekwivalenti) QEK 8

Għal korsijiet ta' "ċiklu wieħed" bħall-mediċina u l-arkittetura, tista' tmur barra l-pajjiż ma' Erasmus+ għal perjodu sa 24 xahar.

Tista' wkoll tmur fuq traineeship barra l-pajjiż bħala gradwat reċenti. F'dan il-każ, it-traineeship tiegħek trid isseħħ fi żmien sena mill-gradwazzjoni tiegħek u trid tapplika waqt li tkun għadek irreġistrat fl-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek.

Kundizzjonijiet

Din l-opportunità hi miftuħa għal studenti rreġistrati f'istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li għandha Karta ta' Erasmus+ għall-Edukazzjoni Għolja.

It-traineeship tiegħek trid tkun rilevanti għat-tagħlim relatat mal-lawrja u l-ħtiġijiet ta' żvilupp personali tiegħek u, fejn possibbli, tkun integrata mal-programm ta' studju tiegħek.

Tista' tagħmel traineeship fi kwalunkwe organizzazzjoni f'Pajjiż tal-programm Erasmus+ (bl-eċċezzjoni tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE).

Rikonoxximent

Qabel it-traineeship barra l-pajjiż:

  1. Int, l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek u l-organizzazzjoni riċeventi tridu tiffirmaw Ftehim ta' Tagħlim għat-Traineeships biex tkun żgurata tħejjija trasparenti u effiċjenti tal-iskambju barra l-pajjiż. Dan id-dokument jistabbilixxi d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-partijiet differenti, programm dettaljat tat-traineeship, informazzjoni dwar l-assigurazzjoni, u kif it-traineeship se tiġi rrikonoxxuta hekk kif titlesta b'suċċess.
  2. Se tirċievi l-Karta tal-Istudent Erasmus+, li tispjega d-drittijiet u l-obbligi tiegħek fir-rigward tat-traineeship tiegħek barra l-pajjiż.

Wara t-traineeship barra l-pajjiż:

  1. L-organizzazzjoni/l-intrapriża riċeventi għandha tibgħat Ċertifikat tat-Traineeship lilek u lill-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek, normalment fi żmien ħames ġimgħat wara li tkun tlestiet b'suċċess it-traineeship.
  2. L-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek trid tirrikonoxxi t-traineeship tiegħek barra l-pajjiż, skont l-impenji miftehma fil-ftehim ta' tagħlim u mingħajr il-ħtieġa ta' aktar rekwiżiti.
  3. Jekk l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek hi f'Pajjiż tal-programm, l-informazzjoni li tinsab fiċ-Ċertifikat ta' Traineeship għandha tiġi inkluża wkoll fis-Suppliment tad-Diploma, ħlief jekkk int gradwat reċenti. F'dan il-każ, hu rakkomandat li t-traineeship tiġi rreġistrata fid-Dokument ta' Mobilità Europass tat-trainee.

Appoġġ Finanzjarju

Tista' tirċievi għotja ta' Erasmus+ bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u sussistenza tiegħek u hu disponibbli finanzjament extra għat-traineeships. Dan jista' jvarja skont id-differenzi fl-ispejjeż tal-ħajja bejn pajjiżek u l-pajjiż ta' destinazzjoni, l-għadd ta' studenti li qed japplikaw għal għotja, id-distanza bejn il-pajjiżi u d-disponibbiltà ta' għotjiet oħrajn.

Jekk qed tiċċaqlaq bejn Pajjiżi tal-programm, iċċekkja mal-Aġenzija Nazzjonali tiegħek u l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li qed tibgħatek għar-rati applikabbli. Hemm ukoll appoġġ extra għall-istudenti bi sfond żvantaġġat jew mill-Pajjiżi jew reġjuni tal-programm ultraperifiċi.

Il-livelli tal-għotjiet u r-rati fissi għall-iskambji bejn Pajjiżi tal-programm u Pajjiżi sieħba huma ppubblikati fil-Gwida tal-Programm Erasmus+.

Irrispettivament mill-fatt jekk tirċevix għotja ta' Erasmus+ jew tkun student b'għotja żero ta' Erasmus+, int se tiffirma ftehim ta' għotja li jispeċifika t-tul ta' żmien ta' mobilità, l-ammont tal-għotja u d-drittijiet u l-obbligi l-oħra tiegħek.  

Jekk it-traineeship tiegħek hi f'Pajjiż tal-programm ieħor, l-istituzzjoni li qed tibgħatek se tiffirma l-ftehim ta' għotja tiegħek u se tkun responsabbli biex tħallas il-pagamenti kollha.

Jekk qed tiċċaqlaq bejn Pajjiż tal-programm u Pajjiż sieħeb, l-istituzzjoni tal-Pajjiż tal-programm se tiffirma l-ftehim ta' għotja. L-istituzzjoni li qed tibgħat u dik li qed tirċievi se jiddeċiedu min minnhom se jħallas il-pagamenti tiegħek.

Tista' tkun eleġibbli għal għotjiet addizzjonali mill-istituzzjoni tiegħek, mill-gvern jew minn sorsi oħrajn. Iċċekkja l-Gwida ta' Finanzjament Ewropew.

Kif tapplika

Int tista' tapplika permezz tal-uffiċċju internazzjonali jew ta' Erasmus+ tal-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek.

Għandek tkun magħżul mill-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li qed tibgħatek b'mod ġust u trasparenti.

Kun af aktar

Ara li tkun taf id-drittijiet tiegħek meta tistudja jew tmur fuq traineeship barra l-pajjiż.

Il-Portal Erasmus Intern Traineeship żviluppat min-Netwerk tal-Istudenti ta' Erasmus, jista' jgħinek issib traineeship ta' Erasmus+.

L-istudenti li jkollhom aktar mistoqsijiet dwar kif jieħdu sehem f'Erasmus+ għandhom jiċċekkjaw il-mistoqsijiet frekwenti qabel ma jikkuntattjaw l-istituzzjoni tagħhom jew l-Aġenziji Nazzjonali għall-Pajjiżi tal-programm Erasmus+.

L-ESAA - Assoċjazzjoni tal-Istudenti u l-Alumni ta' Erasmus+ toffri lill-istudenti u l-alumni ta' Erasmus+ forum dinamiku għan-netwerking, l-iżvilupp professjonali u l-iskambju interkulturali.

Filmat: Erasmus+: vara l-karriera tiegħek ma' Cláudia Vale Da Silva, Maniġer tal-Kontenut Diġitali f'Velux, id-Danimarka u trainee ta' Erasmus+ fil-passat mill-Portugal, għamlet traineeship fid-Danimarka biex tikseb esperjenza ta' xogħol siewja ħafna u tiżviluppa l-ħiliet li għandha bżonn biex tvara l-karriera tagħha.

Aqsam din il-paġna