Sħubijiet Kollaborattivi Żgħar

Kif tapplika

L-organizzazzjonijiet interessati li japplikaw għandhom jagħmlu dan permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

X'inhu l-għan?

Is-Sħubijiet Kollaborattivi Żgħar għandhom l-għan li:

  • jinkoraġġixxu l-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs
  • jippromwovu l-isport u l-logħob Ewropew tradizzjonali
  • jappoġġjaw il-mobilità ta' voluntiera, kowċis, maniġers u persunal ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ
  • jipproteġu lill-atleti, speċjalment l-atleti żgħażagħ, mill-perikli għas-saħħa u s-sikurezza billi jtejbu l-kundizzjonijiet tat-taħriġ u tal-kompetizzjoni
  • irawmu s-sinerġija ma' politiki lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali fl-isport u bejniethom.

F'sens usa', is-Sħubijiet Kollaborattivi Żgħar huma mfassla biex jikkontribwixxu għall-istrateġiji tal-UE fil-qasam tal-isport.

X'inhi l-opportunità?

Erasmus+ jipprovdi l-opportunità lill-organizzazzjonijiet biex jiżviluppaw, jittrasferixxu u jimplimentaw prattiki innovattivi fil-qasam tal-isport bejn l-organizzazzjonijiet, l-awtoritajiet u oħrajn.

Is-Sħubijiet Kollaborattivi Żgħar huma mfassla biex jippromwovu l-ħolqien u l-iżvilupp ta' netwerks Ewropej fil-qasam tal-isport, u jistgħu jinkludu varjetà ta' attivitajiet, bħal:

  • in-netwerking fost il-partijiet ikkonċernati;
  • il-promozzjoni, l-identifikazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin;
  • il-preparazzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ moduli u għodod edukattivi u ta’ taħriġ;
  • l-għarfien tal-valur miżjud tal-isport u tal-attività fiżika;
  • il-promozzjoni ta' sinerġiji innovattivi bejn il-qasam tal-isport u l-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ;
  • it-titjib tal-bażi ta' evidenza tal-isport biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali u ekonomiċi;
  • konferenzi, seminars, laqgħat, avvenimenti u azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni li jsostnu l-attivitajiet imsemmija qabel.

Kif taħdem?

L-organizzazzjonijiet bil-ħsieb li japplikaw iridu jagħmlu dan bħala parti minn konsorzju ta' tal-inqas tliet organizzazzjonijiet minn tliet Pajjiżi tal-Programm differenti. Għalkemm jistgħu jipparteċipaw organizzazzjonijiet minn Pajjiżi Sieħba, l-applikant irid ikun ibbażat f'Pajjiż tal-Programm.

X'jeħtieġlek tkun taf aktar?

Il-proġetti jridu jkunu ta' tul ta' 12, 18, 24, 30 jew 36 xahar; it-tul irid ikun speċifikat fl-istadju tal-applikazzjoni skont l-objettiv tal-proġett u t-tip ta' attivitajiet imbassra.

Kif tapplika?

L-organizzazzjonijiet interessati li japplikaw għandhom jagħmlu dan permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Kun af aktar

Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ hi s-sors ewlieni ta' informazzjoni dwar is-Sħubijiet Kollaborattivi Żgħar, għalkemm hi disponibbli aktar informazzjoni dwar il-proċess ta' applikazzjoni mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Għal aktar informazzjoni tista' tikkuntattja lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Aqsam din il-paġna