Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali

Kif tapplika

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi fis-sejħiet annwali għall-proposti ppubblikati mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

X'inhu l-għan?

L-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali (SSAs) huma maħsuba biex jindirizzaw il-ħiliet u jallinjaw is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Dan jagħmluh billi:

  • jimmodernizzaw l-ETV billi jadattaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet u jintegraw it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol,
  • isaħħu l-iskambju tal-għarfien u tal-aqwa prattiki,
  • itejbu l-mobilità tas-suq tax-xogħol,
  • iżidu r-rikonoxximent tal-kwalifikazzjonijiet.

Tingħata prijorità lil proġetti li jindirizzaw wieħed mill-għanijiet speċifiċi, li jinkludu:

  • it-titjib tal-ħiliet u tal-livelli ta' kompetenza,
  • it-trawwim tal-kwalità, tal-innovazzjoni, u tal-internazzjonalizzazzjoni,
  • il-promozzjoni tal-iżvilupp u tal-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni,
  • it-tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ,
  • it-titjib ta' kif tgħallem u titgħallem il-lingwi.

Fil-Gwida tal-Programm hemm aktar informazzjoni dwar dawn l-għanijiet speċifiċi.

X'inhi l-opportunità?

L-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali huma opportunità għall-organizzazzjonijiet eleġibbli biex jimmaniġġjaw proġett biex jindirizzaw l-isfidi msemmija hawn fuq. Speċifikament, dan jinvolvi:

  • id-definizzjoni tal-ħtiġijiet ta' ħiliet u taħriġ f'settur ekonomiku speċifiku
  • it-tfassil ta’ kurrikuli konġunti
  • it-twassil ta’ kurrikuli konġunti.

L-attivitajiet jeħtieġu li jkopru settur bi żbilanċi ċari, li ġew identifikati bħala li huma:

  • il-manifattura u l-inġinerija
  • il-kummerċ
  • it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni
  • it-teknoloġija ambjentali
  • is-setturi kulturali u kreattivi
  • il-kura tas-saħħa, u
  • it-turiżmu.

Hemm ukoll opportunitajiet biex jiġu organizzati attivitajiet għall-mobilità tal-istudenti u l-persunal sakemm dawn ikunu jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-proġett.

Kif taħdem?

Alleanza tal-Ħiliet Settorjali trid tikkonsisti f'konsorzju ta' organizzazzjonijiet minn tal-inqas tliet Pajjiżi tal-Programm. Flimkien ma' dan, irid ikun hemm tal-inqas tliet organizzazzjonijiet minn kull pajjiż involut fis-SSA, waħda minn kull kategorija li ġejjin:

  • entitajiet pubbliċi jew privati li jipprovdu ETV,
  • entitajiet pubbliċi jew privati li għandhom għarfien espert speċifiku fis-settur u jirrappreżentaw jew huma preżenti f'settur partikolari,
  • entitajiet pubbliċi jew privati li għandhom funzjoni regolatorja għas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ.

L-unika eċċezzjoni għal dan hu meta konsorzju jkun fih organizzazzjoni ġenerali li tiġbor taħtha organizzazzjonijiet oħrajn; f'każijiet bħal dawn mhi meħtieġa ebda organizzazzjoni oħra mill-pajjiż tal-organizzazzjoni li qed tiġbor l-organizzazzjonijiet l-oħrajn sakemm l-għadd minimu ta' organizzazzjonijiet parteċipanti u pajjiżi jintlaħaq (eskluża l-organizzazzjoni li qed tiġbor lill-organizzazzjonijiet l-oħrajn).

Konsorzju jrid ikun immexxi minn applikant, ibbażat f'Pajjiż tal-Programm, u jkun responsabbli għas-sottomissjoni tal-proposta f'isem il-konsorzju, kif ukoll l-immaniġġjar ġenerali tas-SSA. Is-sħab tal-proġett jistgħu jkunu jew:

  • Sħab sħaħ, li jipparteċipaw attivament fil-proġett taħt l-awtorità tal-applikant, u
  • Sħab assoċjati, li jikkontribwixxu għall-attivitajiet tal-programm iżda mhumiex marbuta kontrattwalment mal-konsorzju.

Ir-rwol ta' Sħab Assoċjati jrid ikun definit b'mod ċar fl-istadju ta' applikazzjoni u ma jistgħux jirċievu fondi. Iż-żewġ tipi ta' sħab jistgħu jiġu jew minn Pajjiżi tal-Programm jew minn Pajjiżi Sħab .

X'jeħtieġlek tkun taf aktar?

L-applikanti u s-sħab sħaħ jistgħu jipparteċipaw biss f’SSA waħda kull darba, sakemm ma jkunux l-unika awtorità regolatorja preżenti f'pajjiż partikolari u jistgħu juru l-monopolju tagħhom.

Is-SSAs għandhom jiffukaw fuq l-innovazzjoni u fuq l-iżgurar li l-impatt tal-Alleanza jmur lil hinn minn kemm idum il-proġett, u lil hinn mill-organizzazzjonijiet involuti fis-SSA.

Ir-rwol u ż-żieda fil-valur tas-sieħba kollha f’SSA għandhom ikunu ċari. Il-kompiti għandhom jaqblu mal-għarfien espert tas-sieħeb inkwistjoni.

L-identifikazzjoni tal-bżonnijiet ta’ ħiliet futuri għandha tkun appoġġjata mill-evidenza li turi l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li għandhom jintlaħqu. Ir-riċerka għandha tittraduċi ruħha f'kurrikuli orjentati mir-riżultati, mirfuda minn sistema ta' assigurazzjoni tal-kwalità robusta.

Fl-aħħar nett, hu essenzjali li jiġi żgurat li r-rikonoxximent tal-ħiliet jingħata b'mod xieraq fil-pajjiżi u s-setturi rilevanti.

Kif tapplika?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi fis-sejħiet annwali għall-proposti ppubblikati mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Kun af aktar

Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ hi s-sors ewlieni ta' informazzjoni dwar l-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali, għalkemm hi disponibbli aktar informazzjoni dwar il-proċess ta' applikazzjoni mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Għal aktar informazzjoni ikkuntattja lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Aqsam din il-paġna