Persunal tal-edukazzjoni skolastika

Kif tapplika

Il-proċess ta' applikazzjoni hu mmaniġġjat mill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn hi bbażata l-organizzazzjoni jew il-konsorzju applikanti.

X'inhi l-opportunità?

Erasmus+ joffri l-opportunità li tibgħat jew tirċievi persunal skolastiku għal finijiet ta' tagħlim jew ta' żvilupp professjonali.

Kif jaħdem?

L-organizzazzjonijiet li jixtiequ jipparteċipaw f'dawn l-opportunitajiet jistgħu jew japplikaw bħala organizzazzjoni individwali jew bħala parti minn "konsorzju ta' mobilità nazzjonali”; grupp ta' organizzazzjonijiet immaniġġjati minn organizzazzjoni koordinatriċi waħda.

Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jagħmlu parti minn waħda minn tliet kategoriji prinċipali:

  • Organizzazzjonijiet Applikanti - responsabbli mill-applikazzjoni u l-immaniġġjar tal-proġett. L-organizzazzjoni applikanti tista' tkun skola waħda (li f'dan il-każ tkun ukoll l-organizzazzjoni li qed tibgħat) jew konsorzju koordinatur li qed japplika f'isem grupp ta' skejjel,
  • Organizzazzjonijiet li qed Jibagħtu - skola bir-responsabbiltà li tagħżel lill-persunal biex tibagħtu barra l-pajjiż u li timmaniġġja l-pagamenti tal-għotja,
  • Organizzazzjonijiet li qed Jirċievu - responsabbli biex jirċievu lill-persunal minn barra l-pajjiż.

Il-konsorzji ta' mobilità nazzjonali jridu jikkonsistu minn tal-inqas tliet organizzazzjonijiet mill-istess Pajjiż tal-programm, li kollha jridu jkunu identifikati fl-istadju ta' applikazzjoni. Il-mexxej tal-konsorzju jista' jkun awtorità skolastika lokali jew reġjonali jew kwalunkwe tip ta' korp skolastiku ta' koordinazzjoni ieħor. L-iskejjel li jipparteċipaw f'konsorzju jrid ikollhom rabta organizzattiva mal-konsorzju koordinatur.

Il-mobilità tal-persunal skolastiku trid isseħħ fi ħdan il-Pjan tal-Iżvilupp Ewropew tal-organizzazzjoni li qed tibgħat, u trid tirreaġixxi għal ħtiġijiet ta' żvilupp tal-persunal identifikati b'mod ċar. L-applikant irid jiżgura li hemm fis-seħħ miżuri xierqa ta' selezzjoni, preparazzjoni u segwitu, li l-eżiti tat-tagħlim tal-persunal parteċipanti huma rikonoxxuti b'mod xieraq, u li l-eżiti tat-tagħlim jinqasmu fi ħdan l-organizzazzjoni u jintużaw b'mod wiesa’.

Kif tapplika?

Il-proċess ta' applikazzjoni hu mmaniġġjat mill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn hi bbażata l-organizzazzjoni jew il-konsorzju applikanti. Organizzazzjoni jew konsorzju jista’ japplika biss darba kull rawnd ta’ għażla. Madankollu, organizzazzjoni tista’ tkun parti minn jew tikkoordina diversi konsorzji tal-mobilità nazzjonali differenti.

Kun af aktar

Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ hi s-sors ewlieni ta' informazzjoni għal dawn l-opportunitajiet; fil-Parti B hemm informazzjoni dettaljata dwar il-kriterji tal-għoti, il-kriterji ta' eliġibilità u r-regoli ta' finanzjament.

L-Aġenziji Nazzjonali jew, għal Pajjiżi Sħab, l-Uffiċċji Nazzjonali (fejn disponibbli) jistgħu jipprovdu aktar informazzjoni.

eTwinning hi komunità għall-iskejjel, fejn individwi li jaħdmu fi skola fl-Ewropa jistgħu jikkomunikaw, jikkollaboraw, jiżviluppaw proġetti, jaqsmu l-esperjenza, u jkunu parti mill-akbar komunità ta' tagħlim fl-Ewropa.

Il-pjattaforma School Education Gateway hi pjattaforma għall-għalliema, l-iskejjel, l-esperti u oħrajn biex isibu informazzjoni dwar aħbarijiet, xejriet, politiki, inizjattivi, u attivitajiet fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika, kif ukoll biex jikkontribwixxu billi jiddiskutu u jimpenjaw ruħhom fi kwistjonijiet importanti ma' pari.

Gwida għall-Kapijiet tal-Iskola

Ġiet ippubblikata gwida għall-kapijiet tal-iskola li jixtiequ jsiru jafu kif il-programm jista' jkun ta' benefiċċju għall-iskola tagħhom.