Studenti u persunal tal-edukazzjoni għolja

Kif tapplika

Il-proċess tal-applikazzjoni għall-proġetti ta' mobilità hu mmaniġġjat mill-Aġenzija Nazzjonali (AN) rilevanti fuq bażi annwali.

X'inhi l-opportunità?

Erasmus+ joffri l-opportunità lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex jibagħtu studenti u persunal barra l-pajjiż (f'Pajjiżi tal-Programm jew Pajjiżi Sħab oħrajn) biex jistudjaw, jgħallmu jew jitħarrġu f'istituzzjonijiet parteċipanti, kif ukoll biex jipparteċipaw f'traineeship.

Jistgħu wkoll jospitaw studenti u persunal li jkunu ġejjin minn barra l-pajjiż. Traineeships bejn il-Programm u l-pajjiżi Sħab jistgħu jkunu disponibbli bħala parti mill-ftehimiet ġodda ta’ mobilità magħżulin mis-sajf tal-2018 ’il quddiem.

Kif jaħdem?

L-organizzazzjonijiet li jixtiequ jipparteċipaw f'dawn l-opportunitajiet jistgħu jew japplikaw bħala istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja individwali jew bħala parti minn "konsorzju ta' mobilità nazzjonali", grupp ta' organizzazzjonijiet immaniġġjati minn organizzazzjoni koordinatriċi waħda.

Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jagħmlu parti minn waħda minn erba' kategoriji prinċipali jew aktar:

  • Organizzazzjonijiet Applikanti - responsabbli mill-applikazzjoni u l-immaniġġjar tal-proġett u li jistgħu jaġixxu wkoll bħala organizzazzjoni li qed tibgħat
  • Organizzazzjonijiet li qed Jibagħtu - responsabbli biex jagħżlu l-istudenti/il-persunal li se jibagħtu barra l-pajjiż jew biex jimmaniġġjaw l-istudenti u l-persunal li ġejjin minn pajjiżi sħab, kif ukoll il-persunal mistieden mill-intrapriżi,
  • Organizzazzjonijiet li qed Jirċievu - responsabbli biex jirċievu l-istudenti/il-persunal minn barra l-pajjiż u biex joffru programm ta' studju/traineeship,
  • Organizzazzjonijiet Intermedjarji - bħala sħab f'konsorzju ta' mobilità, l-intermedjarji jistgħu jiġu involuti fl-appoġġ u l-iffaċilitar tax-xogħol ta' konsorzju.

Istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja stabbiliti f’Pajjiż tal-Programm irid ikollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE) kemm jekk qed japplikaw individwalment kif ukoll jekk qed japplikaw bħala parti minn konsorzju.

Il-konsorzji bil-ħsieb li japplikaw irid ikollhom ukoll Akkreditazzjoni tal-Mobilità tal-Konsorzju.

Organizzazzjonijiet minn Pajjiżi tal-Programm ukoll jistgħu jipparteċipaw, iżda ma jeħtiġux ECHE.

Għalkemm l-organizzazzjonijiet mill-Pajjiżi Sħab jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ mobilità, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja minn Pajjiż Sieħeb mhumiex eleġibbli għal ECHE. Minflok, huma jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw il-prinċipji tal-Karta u li jkunu ċari fl-appoġġ li beħsiebhom joffru lill-parteċipanti fil-Ftehim Interistituzzjonali.

Wara li jirċievu ECHE u/jew akkreditazzjoni tal-mobilità tal-konsorzju, l-organizzazzjonijiet applikanti jistgħu japplikaw għall-finanzjament mill-UE.

X'jeħtieġlek tkun taf aktar?

L-attivitajiet ta' studju offruti lill-istudenti jridu jkunu parti mill-programm ta' studju tal-istudent, filwaqt li l-attivitajiet offruti lil studenti trainees għandhom ikunu integrati fil-programm ta' studju tat-trainee. Kemm l-organizzazzjonijiet li qed jibagħtu kif ukoll dawk li qed jirċievu, u magħhom l-istudent, iridu jiffirmaw Ftehim tat-Tagħlim qabel jibdew l-attivitajiet, li jkun fih:

  • il-komponenti edukattivi li għandhom jitwettqu mill-istudent fl-istituzzjoni li qed tirċievi,
  • il-komponenti edukattivi li għandhom jiġu sostitwiti fil-lawrja tal-istudent fl-Istituzzjoni li qed Tibgħat hekk kif jitlesta b'suċċess il-programm ta' studju barra l-pajjiż, u
  • id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet differenti.

Għandu jkun hemm ftehim minn qabel dwar l-attivitajiet tal-persunal mibgħut barra l-pajjiż kemm mill-organizzazzjoni li qed tibgħat tal-individwu kif ukoll mill-organizzazzjoni li se tirċievi l-individwu.

Kif spjegat hawn fuq, il-partijiet kollha tal-attività ta' mobilità jridu jiffirmaw Ftehim ta' Mobilità, li jiddeskrivi:

  • ir-riżultati ta' tagħlim fil-mira,
  • id-dispożizzjonijiet għar-rikonoxximent formali (pereżempju permezz ta’ ECTS), u
  • id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet differenti.

Flimkien ma' dan, kull organizzazzjoni li ffirmat l-ECHE trid tipprovdi wkoll l-appoġġ meħtieġ lill-parteċipanti, inkluża l-preparazzjoni lingwistika. Għal attivitajiet ta' mobilità li jdumu aktar minn xahrejn, il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi l-għodda tal-Appoġġ Lingwistiku Onlajn biex tivvaluta u ttejjeb il-kompetenzi lingwistiċi.

Kif tapplika?

Il-proċess tal-applikazzjoni għall-proġetti ta' mobilità hu mmaniġġjat mill-Aġenzija Nazzjonali (AN) rilevanti fuq bażi annwali. Għall-organizzazzjonijiet individwali din hi l-AN tal-pajjiż fejn hi bbażata l-organizzazzjoni, u għall-konsorzju din hi l-AN fejn hu bbażat il-konsorzju koordinatur.

Issir sejħa għal proposti għall-ECHE fuq bażi annwali, u hi mmaniġġjata mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura. L-għoti ta’ ECHE hu validu għat-tul tal-programm.

Sejħa għall-akkreditazzjoni tal-konsorzju hi ppubblikata fuq bażi annwali mill-Aġenziji Nazzjonali. L-akkreditazzjoni tal-konsorzju hi valida għal tliet snin. L-organizzazzjonijiet jistgħu jitolbu akkreditazzjoni u għotjiet fl-istess ħin.

Kun af aktar

Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ hi s-sors ewlieni ta' informazzjoni għal dawn l-opportunitajiet; fil-Parti B hemm informazzjoni dettaljata dwar il-kriterji tal-għoti, il-kriterji ta' eliġibilità u r-regoli ta' finanzjament.

Organizzazzjonijiet interessati fi proġetti ta’ mobilità bejn pajjiżi tal-Programm u Sħab għandhom jikkonsultaw il-handbook internazzjonali tal-mobilità tal-kredits u l-mistoqsijiet frekwenti dwar il-mobilità internazzjonali tal-kredits.

L-Aġenziji Nazzjonali jew, għal Pajjiżi Sħab, l-Uffiċċji Nazzjonali (fejn disponibbli) jistgħu jipprovdu aktar informazzjoni, jew tista' tikkuntattja lill-Kummissjoni Ewropea.

L-ESAA - l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti u l-Alumni ta' Erasmus+ toffri lill-istudenti u l-alumni ta' Erasmus+ forum dinamiku għan-netwerking, l-iżvilupp professjonali u l-iskambju interkulturali.

Aqsam din il-paġna