Djalogu Strutturat

Kif tapplika

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Pajjiż tal-Programm li fih hi stabbilita l-organizzazzjoni li qed tapplika, jew permezz tas-sit web tal-formoli ta’ Erasmus+.

X'inhu l-għan?

Id-Djalogu Strutturat għandu l-għan li jippromwovi l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika u jrawwem id-dibattitu madwar kwistjonijiet ewlenin li jaffettwaw liż-żgħażagħ.

Speċifikament, dawn l-attivitajiet għandhom l-għan li jiġbru flimkien liż-żgħażagħ u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f'diskussjoni bħala għajnuna biex jiġu żviluppati politiki fis-settur, b'mod partikolari l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ.

X'inhi l-opportunità?

Erasmus+ jipprovdi l-opportunità lill-organizzazzjonijiet biex jorganizzaw:

  • laqgħat jew seminars nazzjonali, transnazzjonali u internazzjonali li jwasslu għal informazzjoni, dibattitu u djalogu bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet
  • laqgħat jew seminars nazzjonali, transnazzjonali jew internazzjonali li jippreparaw il-bażi għall-Konferenzi taż-Żgħażagħ uffiċjali
  • avvenimenti li jippromwovu d-dibattitu u l-informazzjoni dwar temi ta' politika dwar iż-żgħażagħ marbuta mal-attivitajiet tal-Ġimgħa taż-Żgħażagħ
  • konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ
  • laqgħat, seminars, avvenimenti, jew dibattiti bejn iż-żgħażagħ u min jieħu d-deċiżjonijiet u l-esperti dwar il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika
  • avvenimenti li jservu ta' simulatur tal-funzjonament ta' istituzzjonijiet demokratiċi u r-rwoli ta' min jieħu d-deċiżjonijiet fihom.

Iż-żgħażagħ għandhom imexxu l-attivitajiet u jkunu attivament involuti fl-istadji kollha ta' proġett.

Kif taħdem?

L-organizzazzjonijiet bil-ħsieb li japplikaw għal laqgħat nazzjonali jew transnazzjonali jridu jagħmlu dan bħala parti minn konsorzju ta' tal-inqas żewġ organizzazzjonijiet minn żewġ pajjiżi differenti, li minnhom tal-inqas wieħed irid ikun Pajjiż tal-Programm.

L-organizzazzjonijiet bil-ħsieb li japplikaw għal laqgħat nazzjonali jridu jinvolvu organizzazzjoni waħda minn Pajjiż tal-Programm.

 

L-applikant hu responsabbli biex jissottometti l-applikazzjoni f'isem il-konsorzju, kif ukoll li jimmaniġġja l-proġett. L-organizzazzjonijiet bil-ħsieb li jipparteċipaw iridu jkunu stabbiliti f'Pajjiż tal-Programm jew f'Pajjiż Sieħeb.

X'jeħtieġlek tkun taf aktar?

Il-laqgħat nazzjonali jridu jsiru fil-pajjiż tal-organizzazzjoni li applikat.

Il-laqgħat transnazzjonali jistgħu jsiru fi kwalunkwe Pajjiż tal-Programm involut fil-proġett.

L-attivitajiet jistgħu jsiru wkoll fis-sit ta' istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Iż-żgħażagħ li jkunu qed jipparteċipaw fil-proġett għandu jkollhom bejn 13 u 30 sena, u jridu jkunu joqogħdu f'wieħed mill-pajjiżi involuti fil-proġett.

Kwalukwe persuna li tieħu d-deċiżjonijiet li tkun involuta fil-proġett tista' tipparteċipa irrispettivament mill-età jew il-pajjiż ta' residenza.

Il-proġetti jdumu bejn 3 u 24 xahar.

Tal-inqas għandhom ikunu involuti 30 parteċipant żagħżugħ fil-proġett.

Kif tapplika?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Pajjiż tal-Programm li fih hi stabbilita l-organizzazzjoni li qed tapplika, jew permezz tas-sit web tal-formoli ta’ Erasmus+.

Kun af aktar

Il-Gwida tal-Programm ta’ Erasmus+ hi s-sors ewlieni ta' informazzjoni għal dawn l-opportunitajiet.

L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jagħtu aktar informazzjoni jew tista' tikkuntattja lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Aqsam din il-paġna