Avvenimenti tas-Servizz Volontarju Ewropew fuq skala kbira

Kif tapplika

L-organizzazzjonijiet interessati li japplikaw għandhom jikkonsultaw lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA).

X'inhi l-opportunità?

Erasmus+ joffri l-opportunità lill-organizzazzjonijiet biex jimmaniġġjaw proġett fil-qafas ta' avvenimenti Ewropej jew mad-dinja kollha li jikkonsisti f'tal-inqas 30 voluntier tas-Servizz Volontarju Ewropew (SVE).

Kif taħdem?

L-organizzazzjonijiet li jixtiequ jipparteċipaw jistgħu jagħmlu hekk jekk ikunu organizzazzjoni pubblika jew privata stabbilita f'Pajjiż tal-Programm u huma direttament involuti fl-organizzazzjoni ta' avveniment Ewropew jew internazzjonali fil-qasam taż-żgħażagħ, tal-kultura jew tal-isport.

L-organizzazzjonijiet jistgħu jipparteċipaw ukoll jekk ikunu kisbu ftehim ta' kooperazzjoni formali mal-organizzaturi tal-avveniment.

X'jeħtieġlek tkun taf aktar?

L-organizzazzjonijiet li jwettqu avveniment tas-SVE fuq skala kbira għandhom jistennew li jippreparaw, iwettqu u jkomplu jaħdmu wara l-attività, inklużi kompiti bħas-selezzjoni tal-parteċipanti, il-preparazzjoni tagħhom qabel l-avveniment, u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet.

L-organizzazzjonijiet jistgħu jillimitaw lilhom infushom għal attivitajiet kumplimentari, bħall-organizzazzjoni ta' attivitajiet anċillari mal-avveniment biex jippromwovu l-valur tal-volontarjat u tas-Servizz Volontarju Ewropew.

Il-voluntieri jridu jkunu bejn is-17 u t-30 sena, u jistgħu jieħdu sehem permezz ta' xogħol ta' volontarjat full-time u bla ħlas sa xahrejn barra l-pajjiż.

Il-proġetti jridu jdumu minn 3 xhur sa 12-il xahar, u jridu jsiru fl-istess pajjiż fejn se jsir l-avveniment.

Kif tapplika?

L-organizzazzjonijiet interessati li japplikaw għandhom jikkonsultaw lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA).

Kun af aktar

Hemm disponibbli aktar informazzjoni mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, kif ukoll mill-Gwida tal-Programm Erasmus+.

Tista' wkoll tikkuntattja lill-Aġenzija Eżekuttiva jew lill-Kummissjoni Ewropea.

Aqsam din il-paġna