Proġetti Jean Monnet

Kif tapplika

L-organizzazzjonijiet interessati li japplikaw għandhom jagħmlu dan permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

X'inhu l-għan?

Il-Proġetti Jean Monnet jappoġġjaw l-innovazzjoni, il-qsim tal-għarfien, u l-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet Ewropej.

X'inhi l-opportunità?

Erasmus+ jipprovdi l-opportunità għall-organizzazzjonijiet biex jimmaniġġjaw tliet oqsma ewlenin:

  • L-innovazzjoni – proġetti li jesploraw angoli u metodoloġiji differenti biex jippromwovu affarijiet Ewropej
  • It-transfertilizzazzjoni – proġetti li jippromwovu d-diskussjoni, l-analiżi, u ż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-affarijiet Ewropej
  • It-tixrid tal-kontenut – proġetti li jiffukaw primarjament fuq il-qsim tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

Hemm medda wiesgħa ta' attivitajiet li jistgħu jitwettqu, mit-tfassil u l-iżvilupp ta' materjal u għodda edukattivi sal-organizzazzjoni tal-avvenimenti. Fil-Gwida tal-Programm Erasmus+ hemm disponibbli aktar eżempji.

Kif taħdem?

L-opportunità hi miftuħa għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, kif ukoll għal organizzazzjonijiet oħrajn, attivi fil-qasam tal-Affarijiet Ewropej stabbiliti fi kwalunkwe pajjiż fid-dinja kollha (bl-eċċezzjoni ta' stabbilimenti edukattivi tal-primarja u tas-sekondarja, li ma jistgħux japplikaw iżda jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq tal-attivitajiet).

Mhijiex miftuħa għall-istituzzjonijiet Ewropej magħżula (identifikati fir-Regolament li jistabbilixxi l-programm Erasmus+) li qed jaħdmu fuq għan ta' interess Ewropew.

Istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja stabbiliti f’Pajjiżi tal-Programm irid jkollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja valida.

L-organizzazzjonijiet iridu japplikaw individwalment, għalkemm il-proġetti jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet oħrajn fi stadju aktar tard.

Il-proġetti jridu jdumu minn 12 sa 24 xahar.

X'jeħtieġlek tkun taf aktar?

L-applikant hu responsabbli mill-iżvilupp ta' strateġija ċara u sostenibbli appoġġjata minn pjan ta' ħidma dettaljat u, jekk jiġi magħżul għall-finanzjament, hu mistenni jimplimenta l-attivitajiet kif deskritti.

Ir-rwol ta' kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti oħra, kif ukoll il-ħtieġa għall-attivitajiet u l-benefiċjarji diretti u indiretti għandhom jiġu speċifikati fl-applikazzjoni.

Kif tapplika?

L-organizzazzjonijiet interessati li japplikaw għandhom jagħmlu dan permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Kun af aktar

Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ hi s-sors ewlieni ta' informazzjoni dwar il-Proġetti Jean Monnet, għalkemm hi disponibbli aktar informazzjoni dwar il-proċess ta' applikazzjoni mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Għal aktar informazzjoni tista' tikkuntattja lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura jew tista' tikkuntattja lill-Kummissjoni Ewropea.

Aqsam din il-paġna