Katedri Jean Monnet

Kif tapplika

L-organizzazzjonijiet interessati li japplikaw għandhom jagħmlu dan permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

X'inhu l-għan?

Il-Katedri Jean Monnet huma maħsuba biex:

  • japprofondixxu t-tagħlim fl-istudji tal-UE inklużi f’kurrikulu uffiċjali ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja
  • jipprovdu tagħlim profond dwar kwistjonijiet tal-UE f'oqsma li qed ikun hemm dejjem aktar domanda għalihom fis-suq tax-xogħol.

Il-Katedri Jean Monnet huma wkoll imħeġġa jipprovdu riżorsi edukattivi miftuħa u jinvolvu attivitajiet edukattivi miftuħa fix-xogħol tagħhom biex iżidu l-flessibilità u l-aċċessibilità għat-tagħlim.

X'inhi l-opportunità?

Erasmus+ joffri l-opportunità lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HEIs) li jospitaw post ta’ tagħlim bi speċjalizzazzjoni fl-istudji tal-UE għall-professuri universitarji.

L-HEIs parteċipanti huma mistennija jappoġġjaw lil min ikollu l-Katedra fl-attivitajiet ta' tagħlim, riċerka u riflessjoni tiegħu, u jippermettu lil firxa wiesa' ta' kurrikuli biex jibbenefikaw minn dawn il-korsijiet.

Kif taħdem?

Organizzazzjoni bil-ħsieb li tapplika trid tkun HEI stabbilita fi kwalunkwe pajjiż fid-dinja. Jekk l-HEI hi minn Pajjiż tal-Programm irid ikollha Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja valida.

Katedra Jean Monnet trid iddum tliet snin u jrid ikollha tul minimu ta' 90 siegħa ta' tagħlim kull sena akkademika. Katedra trid ukoll twettaq tal-inqas attività waħda addizzjonali kull sena akkademika.

Id-90 siegħa jinkludu lekċers fi grupp, seminars, u tutorials, inkluż fil-format ta' tagħlim mill-bogħod, iżda mhux istruzzjoni individwali.

Il-persuna li jkollha l-Katedra trid tkun membru permanenti tal-persunal fl-istituzzjoni li qed tapplika bil-grad ta' "Professur"; ma tistax tkun Professur mistieden meta ssir l-applikazzjoni.

X'jeħtieġlek tkun taf aktar?

Jekk ikun hemm il-ħtieġa li tiġi sostitwita persuna li jkollha Katedra, trid tintbagħat talba bil-miktub lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura , u s-sostitut propost irid ikollu l-istess livell ta' speċjalizzazzjoni bħall-persuna li se tħalli l-Katedra.

Kif tapplika?

L-organizzazzjonijiet interessati li japplikaw għandhom jagħmlu dan permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Kun af aktar

Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ hi s-sors ewlieni ta' informazzjoni dwar il-Katedri Jean Monnet, għalkemm hi disponibbli aktar informazzjoni dwar il-proċess ta' applikazzjoni mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Għal aktar informazzjoni tista' tikkuntattja lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura jew tista' tikkuntattja lill-Kummissjoni Ewropea.

Aqsam din il-paġna