Ċentri ta' Eċċellenza Jean Monnet

Kif tapplika

L-organizzazzjonijiet interessati li japplikaw għandhom jagħmlu dan permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

X'inhu l-għan?

Iċ-Ċentri ta' Eċċellenza huma maħsuba biex iservu ta' punt fokali ta' għarfien u ħiliet dwar affarijiet tal-Unjoni Ewropea.

Iċ-Ċentri jiġbru l-għarfien espert u l-fehim ta' esperti ta' livell għoli biex ikunu żviluppati rabtiet ma' suġġetti varji relatati mal-UE u bejniethom, kif ukoll jinħolqu attivitajiet transnazzjonali u rabtiet ma' istituzzjonijiet oħra f'pajjiżi oħrajn.

Huma maħsuba wkoll biex jilħqu studenti li jittrattaw suġġetti relatati, kif ukoll dawk li jfasslu l-politika, impjegati taċ-ċivil, is-soċjetà ċivili, u l-pubbliku.

X'inhi l-opportunità?

Erasmus+ joffri l-opportunità lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HEIs) biex:

  • jorganizzaw u jikkoordinaw ir-riżorsi umani u dawk dokumentarji dwar l-istudji tal-UE
  • imexxu l-attivitajiet ta' riċerka dwar suġġetti speċifiċi
  • jiżviluppaw il-kontenut u l-għodda ta' tagħlim biex jaġġornaw u jikkomplementaw korsijiet u kurrikuli kurrenti
  • isaħħu d-dibattitu u l-iskambju ta' esperjenzi dwar l-UE
  • sistematikament jippubblikaw ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ riċerka.

L-HEIs li jipparteċipaw huma mistennija jappoġġjaw iċ-Ċentru biex jiżviluppa b'mod strateġiku, ikunu ta' gwida u joffru viżjoni, kif ukoll jippromwovu l-inizjattivi u l-attivitajiet taċ-Ċentru.

Kif taħdem?

Organizzazzjoni bil-ħsieb li tapplika trid tkun HEI stabbilita fi kwalunkwe pajjiż fid-dinja Jekk l-HEI hi minn Pajjiż tal-Programm irid ikollha Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja valida.

Iċ-Ċentri ta' Eċċellenza jistgħu jkunu mistennija li:

  • jipparteċipaw f'avvenimenti ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-livell Ewropew u nazzjonali,
  • jorganizzaw avvenimenti, lekċers, seminars, jew sessjonijiet ta’ ħidma ma’ dawk li jfasslu l-politika fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali kif ukoll mas-soċjetà ċivili organizzata u l-iskejjel,
  • jikkomunikaw dwar ir-riżultati tal-attivitajiet tagħhom permezz ta' seminars jew lekċers immirati lejn il-pubbliku ġenerali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili
  • joħolqu netwerk ma' organizzazzjonijiet u individwi oħrajn appoġġjati mill-Azzjonijiet Jean Monnet
  • jippubblikaw l-attivitajiet tagħhom bħala riżorsi edukattivi miftuħin.

Istituzzjoni tista' tospita biss Ċentru ta' Eċċellenza wieħed fi kwalunkwe perjodu ta' żmien.

X'jeħtieġlek tkun taf aktar?

Jekk ikun hemm il-ħtieġa li koordinatur ta' Ċentru jiġi sostitwit, trid tintbagħat talba bil-miktub lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA).

Ċentru ta' Eċċellenza jista' jinvolvi l-kooperazzjoni ta' diversi istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet stabbiliti fl-istess belt jew reġjun, iżda jrid ikun istituzzjoni jew entità li kapaċi turi, permezz ta’ titli ċari, li tispeċjalizza fl-istudji tal-UE, u trid tkun ospitata minn HEI.

Kif tapplika?

L-organizzazzjonijiet interessati li japplikaw għandhom jagħmlu dan permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Kun af aktar

Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ hi s-sors ewlieni ta' informazzjoni dwar iċ-Ċentri ta' Eċċellenza Jean Monnet, għalkemm hi disponibbli aktar informazzjoni dwar il-proċess ta' applikazzjoni mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Għal aktar informazzjoni tista' tikkuntattja lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura jew tista' tikkuntattja lill-Kummissjoni Ewropea.