Servizz Volontarju Ewropew

Ħarsa ġenerali

Is-Servizz Volontarju Ewropew (SVE) jgħin liż-żgħażagħ jivvjaġġaw barra l-pajjiż biex jipparteċipaw fi proġetti ta' volontarjat.

Bħala voluntier ta' SVE, int timpenja ruħek fil-ħidma ta' organizzazzjoni barra l-pajjiż. Il-proġetti ta' volontarjat jistgħu jinvolvu ħafna tipi differenti ta' attivitajiet f'oqsma bħall-ħidma fost iż-żgħażagħ, l-attivitajiet kulturali, il-kura soċjali jew il-ħarsien tal-ambjent. Inti tkun voluntier fuq bażi ta' bla ħlas u full-time.

Dak li twettaq u titgħallem permezz tal-volontarjat hu ċċertifikat mal-Ewropa kollha permezz tal-għodda ta' rikonoxximent Youthpass.

Il-voluntiera diġà involuti f'SVE għandhom jaqraw Info Kit li jispjega x'inhu mistenni u li fih informazzjoni dwar il-Youthpass u l-kopertura ta' assigurazzjoni mogħtija.

L-aċċess għall-Appoġġ Lingwistiku Onlajn ta' Erasmus+ se jgħinek titgħallem il-lingwa użata fil-volontarjat tiegħek.

Tul ta' żmien

L-attivitajiet ta' volontarjat idumu minimu ta' ġimagħtejn u massimu ta' 12-il xahar.

L-opportunitajiet tas-SVE huma disponibbli kemm f'Pajjiżi tal-programm Erasmus+ kif ukoll f'Pajjiżi sieħba tal-viċinat - li jfisser li tista' tkun voluntier ukoll barra l-Ewropa.

Kundizzjonijiet

Biex tkun voluntier trid tkun bejn l-etajiet ta' 17 u 30 sena.

Appoġġ finanzjarju

L-ispejjeż essenzjali relatati mal-proġett ta' volontarjat tiegħek huma koperti. Se tingħata akkomodazzjoni, ikel u kwalukwe trasport lokali li jista' jkollok bżonn. Jista' jkun li tingħata wkoll ammont żgħir ta' "pocket money".

Il-voluntiera kollha huma koperti minn assigurazzjoni matul iż-żmien li jqattgħu barra pajjiżhom.

Kif tapplika

Tista' tapplika biex tkun voluntier ma' SVE direttament permezz tal-organizzazzjoni responsabbli li tibgħatek barra l-pajjiż jew li se tirċevik fil-pajjiż ospitanti u li se tirranġa l-prattikalitajiet kollha.

Il-Portal taż-Żgħażagħ Ewropew, is-sit web tal-UE għaż-żgħażagħ, jospita bażi tad-dejta tal-opportunitajiet ta' volontarjat li fiha:

  • dettalji tal-proġetti differenti
  • deskrizzjonijiet ta' x'tip ta' voluntiera huma meħtieġa
  • dettalji ta' kuntatt u proċeduri tal-applikazzjoni

Il-proċeduri tal-applikazzjoni jvarjaw bejn proġetti ta' SVE għalhekk dejjem iċċekkja t-taqsima "Kif Tapplika" tal-proġetti li jinteressawk.

Jekk ma tistax issib proġett xieraq, tista' tfittex fil-lista ta' organizzazzjonijiet SVE u tikkuntattjahom biex tiċċekkja jekk hux qed joffru kollokamenti. Jekk jogħġbok żomm f'moħħok li xi wħud minn dawk elenkati jistgħu ma jkunux qed ifittxu għal voluntiera ġodda bħalissa.

Kun af aktar

L-Aġenzija Nazzjonali Erasmus+ f'pajjiżek tista' tgħinek issib organizzazzjoni parteċipanti u twieġeb il-mistoqsijiet tiegħek.

Aqsam din il-paġna