Self għall-Master Erasmus+

Ħarsa Ġenerali

Is-Self ta' Erasmus+ għal Lawrja ta' Master hu self garantit mill-UE b'termini ta' ħlas lura favorevoli li jistgħu jgħinuk tiffinanzja kors ta' Master f'Pajjiż tal-Programm Erasmus+.

L-iskema hi maħsuba biex tappoġġja l-istudenti fil-livell postgradwatorju u tipproteġihom minn tbatija assoċjata mal-istudji tagħhom b'salvagwardji soċjali inklużi:

  • M'hemmx bżonn għal kollaterali minn studenti jew ġenituri, li jiżgura l-ugwaljanza ta' aċċess
  • Rati tal-imgħax favorevoli u aħjar minn dawk tas-suq
  • Termini ta' ħlas lura li jippermettu lill-gradwati sa sentejn biex isibu xogħol qabel il-bidu ta' ħlas lura.

Attwalment l-iskema tinsab disponibbli permezz tal-banek u l-universitajiet:

  • Banek fi Spanja u t-Turkija għall-istudenti ħerġin minn dawn il-pajjiżi biex isegwu studju postgradwatorju f'pajjiż barrani u għall-istudenti minn Pajjiżi tal-Programm oħrajn li jmorru Spanja għal kors ta' Master.
  • L-Universitajiet tal-Lussemburgu u Ċipru għall-istudenti li ġejjin minn pajjiżi oħrajn tal-Programm li jkunu sejrin għal kors tal-Master f’dawn l-universitajiet.

Malli aktar istituzzjonijiet mill-Ewropa kollha jissieħbu mal-iskema, se jkunu disponibbli aktar destinazzjonijiet għal studju postgradwatorju.

Madankollu mhux possibbli jingħad meta eżattament xi pajjiż partikolari jista' jkun kopert billi l-ftehimiet mal-banek, mal-aġenziji ta' self tal-istudenti u mal-universitajiet, se jsiru gradwalment abbażi ta' pajjiż b'pajjiż.

Tul ta’ żmien

Tista’ tirċievi għotja ta’ self sa €12,000 għal Master ta’ sena jew sa €18,000 għal Master ta’ sentejn (jew ammonti ekwivalenti f’munita barranija għal banek f’pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro soġġetti għall-varjazzjonijiet tal-munita).

Kundizzjonijiet

Jekk lestejt il-kwalifika fil-livell tal-Baċellerat (jew ekwivalenti) u diġà ġejt aċċettat fi programm ta' Master sħiħ f'Pajjiż tal-Programm ieħor, jista' jkun li tista' tibbenefika minn self.

Biex tkun eliġibbli jeħtieġlek tkun qed tgħix f'Pajjiż tal-Programm u d-destinazzjoni ta' studju tiegħek ma tistax tkun il-pajjiż ta' residenza jew il-pajjiż fejn irċevejt l-ewwel kwalifika tiegħek.

Tista' tirċievi self biss biex tistudja f'università li għandha l-Karta Erasmus+ għall-Edukazzjoni Għolja.

Is-self mhux disponibbli jekk inti tkun qed tistudja f'pajjiż barrani biss għal parti mill-kwalifika ta' Master tiegħek, għalkemm xorta waħda tista' tikkwalifika għal għotja ta’ Erasmus+.

Ir-rata tal-imgħax li trid titħallas għas-self tvarja skont il-pajjiż li fih hu bbażat il-bank jew l-istituzzjoni li qed tislef il-flus. Madankollu, ir-rata tal-imgħax se tkun aktar baxxa mir-rati kummerċjali standard.

Kif tapplika

Biex tapplika, mur int stess fil-banek nazzjonali, fl-universitajiet jew fl-aġenziji ta' self tal-istudenti parteċipanti.

MicroBank (il-bank soċjali ta' la Caixa) fi Spanja kien l-ewwel bank li offra Self tal-Master ta’ Erasmus+ fl-2015, li għandu fil-mira kemm studenti tal-Master ħerġin u deħlin minn Spanja, kif ukoll dawk deħlin fiha.

Minn Diċembru 2016, l-istudenti ħerġin mit-Turkija jistgħu japplikaw ukoll għand Finansbank.

F’Jannar 2017, l-Università tal-Lussemburgu ffirmat mal-iskema ta’ Self tal-Master ta’ Erasmus+, segwita mill-Università ta’ Ċipru fi Frar 2018. Mis-sena akkademika 2018-2019, dawn l-universitajiet jippermettu lill-istudenti tal-Master li jiddifferixxu l-ħlas għall-miżati għat-tagħlim u/jew l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni għal sentejn.

Trid tapplika permezz ta' fergħa tal-banek, tal-universitajiet jew online, billi tissottometti d-dokumentazzjoni li ġejja:

  • Ċertifikat ta' tlestija tal-aħħar lawrja li lestejt qabel il-lawrja ta' Master li qed tapplika għaliha
  • Irċevuta għall-ħlas tar-reġistrazzjoni JEW prova dokumentarja tad-dħul u tal-ispiża tal-kors tal-Master

Kun af aktar

Għat-termini u l-kundizzjonijiet tas-Self tal-Master ta’ Erasmus+ tagħhom, jekk jogħġbok żur:

Mistoqsijiet frekwenti dwar is-Self għall-Master Erasmus +

Informazzjoni ta' sfond dwar is-Self tal-Master ta’ Erasmus+ tinsab disponibbli mill-Fond Ewropew tal-Investiment.

Testimonjanzi minn benefiċjarji: Xavier Casas (ES) / Blair Clark (UK) / Boris Kuzmanov (BG)

Vidjow

Erasmus+: Aktar appoġġ għal mobilità ma' Stefan Jahnke, il-President preċedenti tan-Netwerk tal-Istudenti Erasmus, dwar opportunitajiet ġodda għall-istudenti fil-programm Erasmus+.

Segwi lil Jorge Fernández fi triqtu minn Malaga għal Liżbona, appoġġjat b’Self tal-Master ta’ Erasmus+.

Aqsam din il-paġna