L-edukazzjoni għolja

Ħarsa ġenerali

Erasmus+ jappoġġja perjodi ta' tagħlim f'istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HEIs) barra l-pajjiż.

Jekk taħdem f'istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja, tista' tqatta' żmien tgħallem f'istituzzjoni f'Pajjiż tal-programm Erasmus+ jew f'Pajjiż sieħeb.

Huma disponibbli opportunitajiet ta' tagħlim ukoll għal persunal li jaħdem f'organizzazzjonijiet f'Pajjiż tal-programm.

Eżempji ta' organizzazzjonijiet bħal dawn jinkludu negozji, korpi pubbliċi, imsieħba soċjali, istituzzjonijiet ta' riċerka u organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Tul ta' żmien

Perjodu ta' tagħlim bejn żewġ Pajjiżi tal-programm irid idum minimu ta' jumejn u massimu ta' xahrejn. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.

Perjodu ta' tagħlim bejn Pajjiż tal-programm u Pajjiż sieħeb irid idum minimu ta' 5 ijiem u massimu ta' xahrejn. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.

Matul iż-żjara tiegħek barra l-pajjiż, l-attività ta' tagħlim trid tinkludi minimu ta' 8 sigħat fil-ġimgħa (jew kwalunkwe perjodu iqsar taż-żjara) ta' ħin attwali ta' tagħlim.

Kundizzjonijiet

Jekk taħdem f'HEI, l-istituzzjoni tiegħek trid jew, fil-każ ta' Pajjiżi tal-programm, ikollha Karta ta' Ersamus għall-Edukazzjoni Għolja jew, fil-każ ta' Pajjiżi sieħba, tkun iffirmat ftehim interistituzzjonali mal-istituzzjoni riċeventi.

HEIs tal-Pajjiżi tal-programm għandhom l-opportunità li jistiednu persunal minn negozji jew organizzazzjonijiet oħrajn li jinsabu f'Pajjiżi tal-programm biex jgħallmu fl-istituzzjoni tagħhom.

Qabel ma tibda l-perjodu ta' tagħlim tiegħek, l-HEI tiegħek u l-istituzzjoni riċeventi jiffirmaw Ftehim ta' Mobilità. Dan id-dokument jistabbilixxi l-għanijiet, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħek u wkoll kif se jiġi rikonoxxut il-perijodu ta' tagħlim.

Appoġġ finanzjarju

L-għotjiet tal-UE jipprovdu kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u sussistenza matul iż-żmien li tqatta' barra l-pajjiż u din tista' tvarja skont:

  1. il-pajjiż riċeventi
  2. fil-każ ta' mobilità bejn Pajjiżi tal-programm, il-livell ta' domanda mill-persunal minn pajjiżek li għandhom il-ħsieb li jgħallmu barra l-pajjiż
  3. id-distanza bejn pajjiżek u l-pajjiż riċeventi
  4. fil-każ ta' mobilità bejn Pajjiżi tal-programm, id-disponibbiltà ta' sorsi finanzjarji oħrajn f'pajjiżek jew ir-reġjun tiegħek.

Jekk il-perjodu ta' tagħlim tiegħek barra l-pajjiż hu bejn Pajjiżi tal-programm bħala persunal tal-edukazzjoni għolja, l-istituzzjoni li qed tibgħatek se tkun responsabbli mill-pagamenti kollha. Jekk int ġej minn negozju jew organizzazzjoni,  l-HEI li stednitek biex tgħallem trid tħallas l-ispejjeż kollha. Jekk il-perjodu ta' tagħlim tiegħek barra l-pajjiż hu bejn Pajjiż tal-programm u Pajjiż sieħeb, l-istituzzjoni li qed tibgħatek u dik riċeventi se jiddeċiedu min minnhom se jħallas il-pagamenti tiegħek.

Il-livelli tal-għotjiet għal perjodi ta' tagħlim barra l-pajjiż bejn Pajjiż tal-programm u Pajjiż sieħeb huma ppubblikati fil-Gwida tal-Programm Erasmus+. Iċċekkja mal-Aġenzija Nazzjonali tiegħek u l-HEI li qed tibgħatek għar-rati applikabbli għal perjodi ta' tagħlim bejn Pajjiżi tal-programm.

Kif tapplika

Int tapplika għal għotja permezz tal-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek. L-HEIs jagħżlu kandidati għal perjodi ta' tagħlim barra l-pajjiż mill-persunal tagħhom u jistiednu persunal minn negozji jew organizzazzjonijiet oħrajn.

L-għażla tal-persunal biex jgħallem barra l-pajjiż għandha tkun ġusta, trasparenti u ddokumentata kif xieraq.

Kun af aktar

Ikkuntattja lill-uffiċċju internazzjonali tal-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek biex issir taf aktar dwar l-opportunitajiet li huma disponibbli għalik.

Il-Gwida tal-Programm ukoll toffri informazzjoni dettaljata dwar dawn l-opportunitajiet.

L-Aġenziji Nazzjonali, għall-Pajjiżi tal-programm, u l-Uffiċċji Nazzjonali, għall-Pajjiżi sieħba (fejn disponibbli), jistgħu jgħinu bil-mistoqsijiet u l-applikazzjonijiet.

Filmat: Erasmus+: nakkwistaw perspettivi ġodda ma' Marjo Palovaara, Kap tal-Programm tal-Lawrja fl-Infermerija fl-Università JAMK, il-Finlandja, dwar l-opportunitajiet li joffri l-Programm Erasmus+ lill-persunal akkademiku biex jagħti taħriġ u jgħallem barra l-pajjiż.

Aqsam din il-paġna