Erasmus+

Sħubijiet strateġiċi fil-qasam tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ

X'inhu l-għan?

Is-Sħubijiet Strateġiċi huma proġetti transnazzjonali mfassla biex jiżviluppaw u jaqsmu prattiki innovattivi u jippromwovu l-kooperazzjoni, it-tagħlim bejn il-pari, u l-iskambji ta' esperjenzi fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħożija.

B'mod ġenerali, is-sħubijiet strateġiċi għandhom l-għan li jindirizzaw prijoritajiet orizzontali kif ukoll prijoritajiet speċifiċi skont il-qasam fl-oqsma ta':

  • l-edukazzjoni għolja
  • l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
  • l-edukazzjoni skolastika
  • l-edukazzjoni tal-adulti, u
  • iż-żgħażagħ.

Hemm żewġ tipi ta' Sħubijiet Strateġiċi: dawk li jappoġġjaw l-innovazzjoni u dawk li jappoġġjaw l-iskambju ta’ prattiki tajba.

Fil-Gwida tal-Programm hemm aktar informazzjoni dwar il-prijoritajiet speċifiċi għall-oqsma.

X'inhuma l-opportunitajiet?

Is-Sħubijiet Strateġiċi jipprovdu opportunitajiet għal varjetà wiesgħa ta' organizzazzjonijiet pubbliċi, privati u mhux governattivi biex jimplimentaw firxa wiesgħa ta' attivitajiet inkluż, pereżempju:

  • it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u tan-netwerking bejn l-organizzazzjonijiet,
  • il-promozzjoni tal-iżvilupp, l-ittestjar, u l-implimentazzjoni ta' prattiki innovattivi,
  • il-promozzjoni tar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi,
  • il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali biex jiżviluppaw sistemi ġodda għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ,
  • l-appoġġ għal studenti b'diżabilitajiet u bżonnijiet speċjali u l-faċilitazzjoni tat-tranżizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol,
  • l-appoġġ għall-professjonisti fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex jippromwovu l-ekwità, id-diversità u l-inklużjoni fit-tagħlim,
  • il-promozzjoni tal-integrazzjoni ta' migranti li jkunu għandhom kif waslu u s-sensibilizzazzjoni dwar il-kriżi tar-refuġjati fl-Ewropa,
  • il-promozzjoni tal-intraprenditorija u ċ-ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ.

Is-Sħubijiet Strateġiċi jistgħu jkunu ta' daqsijiet differenti u jwettqu attivitajiet differenti skont l-objettiv tal-proġett, l-organizzazzjonijiet involuti, l-impatt mistenni, u elementi oħrajn.

Fl-ambitu tal-għanijiet tal-proġett, hemm ukoll opportunitajiet għat-tfal tal-iskola, l-istudenti, min qed jitgħallem u għall-persunal biex jitgħallem, jitħarreġ, jew jgħallem barra l-pajjiż, sakemm dawn l-attivitajiet ta' tagħlim u taħriġ jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-proġett.

Kif taħdem?

L-organizzazzjonijiet parteċipanti bil-ħsieb li japplikaw għal opportunità jridu jkunu bbażati f'Pajjiż tal-Programm.

L-applikazzjonijiet iridu jitmexxew minn organizzazzjoni stabbilita f'Pajjiż tal-Programm u ġeneralment ikunu jinvolvu tal-inqas tliet organizzazzjonijiet minn Pajjiżi tal-Programm differenti.

B'mod eċċezzjonali, is-sħubijiet fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika u taż-żgħażagħ jistgħu jinvolvu tal-inqas żewġ organizzazzjonijiet minn Pajjiżi tal-Programm differenti.

L-applikazzjonijiet jistgħu jinkludu kwalunkwe għadd ta' organizzazzjonijiet. Jistgħu jinkludu wkoll organizzazzjonijiet minn Pajjiżi Sħab, sakemm dawn joffru valur miżjud essenzjali għall-proġett.

Istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja stabbiliti f’Pajjiżi tal-Programm irid jkollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja valida.

X'jeħtieġlek tkun taf aktar?

Is-Sħubijiet Strateġiċi jistgħu jkollhom tul differenti skont il-qasam:

  • l-edukazzjoni għolja: bejn 24 u 36 xahar
  • l-edukazzjoni tal-adulti, l-edukazzjoni skolastika u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali: bejn 12 u 36 xahar
  • iż-żgħażagħ: bejn 6 u 36 xahar

L-għotjiet għall-proġetti huma limitati għal €150,000 fis-sena.

Kif tapplika?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Pajjiż tal-Programm li fih hi stabbilita l-organizzazzjoni li qed tapplika.

Kun af aktar

Fil-Gwida tal-Programm Erasmus+ tista' ssib informazzjoni dettaljata fuq il-kriterji, il-proċeduri u d-dati ta' skadenza.

Aktar informazzjoni dwar is-Sħubijiet Strateġiċi hi disponibbli fil-browxer dwar il-finanzjament għall-proġetti edukattivi, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ.

L-Aġenziji Nazzjonali jew, għal Pajjiżi Sħab, l-Uffiċċji Nazzjonali (fejn disponibbli) jistgħu jipprovdu aktar informazzjoni, jew tista' tikkuntattja lill-Kummissjoni Ewropea.

Filmat: Erasmus+: Nagħtu liż-żgħażagħ il-ħiliet ta' għada

Website feedback

Please note that we can only respond to issues concerning the Erasmus+ website. 

For general questions about Erasmus+, please contact your National AgencyNational Erasmus+ Office, or our helpdesk, EuropeDirect.