Erasmus+

Il-Bini tal-Kapaċità fil-qasam tal-edukazzjoni għolja

X'inhu l-għan?

Il-proġetti tal-bini tal-kapaċità fil-qasam tal-edukazzjoni għolja huma proġetti ta' kooperazzjoni transnazzjonali, ibbażati fuq sħubijiet multilaterali, primarjament bejn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja minn Pajjiżi tal-Programm u Pajjiżi Sħab eleġibbli.

L-għan ta' dawn il-proġetti hu li jappoġġjaw Pajjiżi Sħab eleġibbli biex:

  • jimmodernizzaw, isiru internazzjonali u jżidu l-aċċess għall-edukazzjoni għolja
  • jindirizzaw l-isfidi li jaffaċċjaw l-istituzzjonijiet u s-sistemi ta' edukazzjoni għolja
  • iżidu l-kooperazzjoni mal-UE
  • jikkonverġu b'mod volontarju mal-iżvilupp tal-UE fl-edukazzjoni għolja, u
  • jippromwovu l-kuntatti bejn il-persuni, is-sensibilizzazzjoni interkulturali, u l-fehim.

Dan isir fil-kuntest ta' żewġ dokumenti ta' politika ewlenin u l-politika definita mill-erba' strumenti ta' finanzjament kumplimentari;

X'inhi l-opportunità?

Erasmus+ jipprovdi l-opportunità lill-organizzazzjonijiet minn Pajjiżi Sħab eleġibbli, li x’aktarx ikunu istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HEIs), biex jippromwovu l-kooperazzjoni permezz ta' azzjonijiet li:

  • itejbu l-kwalità tal-edukazzjoni għolja u l-allinjament tagħha mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol,
  • itejbu l-livell ta' ħiliet fl-HEIs permezz ta’ programmi edukattivi ġodda,
  • isaħħu l-kapaċità tal-immaniġġjar, il-governanza, u l-innovazzjoni, kif ukoll l-internazzjonalizzazzjoni,
  • jibnu l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali li jimmodernizzaw is-sistemi ta' edukazzjoni għolja proprji tagħhom, u
  • irawmu l-integrazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni bejn reġjuni differenti fid-dinja.

Il-proġetti tal-bini tal-kapaċità tipikament jiffukaw fuq waħda minn tliet attivitajiet prinċipali:

  • attivitajiet ta' żvilupp tal-kurrikulu
  • il-modernizzazzjoni tal-governanza u l-immaniġġjar tal-HEIs u s-sistemi
  • it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn sistemi tal-edukazzjoni għolja u l-ambjent ekonomiku u soċjali usa’.

L-organizzazzjonijiet jistgħu jagħżlu minn żewġ tipi ta' proġetti:

  1. Proġetti konġunti, li għandhom l-għan li jappoġġjaw organizzazzjonijiet minn pajjiżi sħab (jiġifieri permezz tal-iżvilupp tal-kurrikulu, il-modernizzazzjonij tal-immaniġġjar, eċċ.), u
  2. Proġetti strutturali, li għandhom l-għan li jsaħħu s-sistemi tal-edukazzjoni għolja u jippromwovu riformi fuq livell nazzjonali u/jew reġjonali.

Kif taħdem?

L-organizzazzjonijiet bil-ħsieb li japplikaw iridu jagħmlu dan bħala parti minn konsorzju. Għal proġetti li jindirizzaw Pajjiż Sieħeb wieħed, fil-prinċipju konsorzju jrid jinkludi tliet Pajjiżi tal-Programm, kif ukoll:

  • tal-inqas HEI waħda minn kull Pajjiż tal-Programm li qed jieħu sehem
  • tal-inqas tliet HEIs mill-Pajjiż Sieħeb
  • tal-inqas l-istess ammont ta' HEIs mill-Pajjiż Sieħeb daqs kemm hemm HEIs mill-Pajjiżi tal-Programm

Għal proġetti li jindirizzaw aktar minn Pajjiż Sieħeb wieħed, iridu jkunu involuti tal-inqas żewġ Pajjiżi Sħab eleġibbli u tal-inqas tliet Pajjiżi tal-Programm. Fil-prinċipju, konsorzju jrid jinkludi:

  • tal-inqas HEI waħda minn kull Pajjiż tal-Programm li qed jieħu sehem
  • tal-inqas żewġ HEIs minn kull Pajjiż sieħeb li qed jieħu sehem
  • tal-inqas l-istess ammont ta' HEIs mill-Pajjiż Sieħeb daqs kemm hemm HEIs mill-Pajjiżi tal-Programm

Il-Pajjiżi Sħab eleġibbli huma dawk fir-Reġjuni 1-4 u 6-11. Il-Proġetti li jinvolvu r-Reġjun 8 (l-Amerika Latina) iridu jinvolvu tal-inqas żewġ Pajjiżi Sħab mir-Reġjun u l-proġetti li jinvolvu l-Federazzjoni Russa (ir-Reġjun 4) iridu jinvolvu tal-inqas Pajjiż Sieħeb ieħor minn reġjun differenti. Il-Proġetti Strutturali kollha jridu jinkludu l-Ministeru responsabbli għall-edukazzjoni fil-Pajjiż Sieħeb.

Konsorzju jrid ikun immexxi minn applikant, organizzazzjoni li tissottometti l-proposta f'isem is-sħab u li tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ġenerali tal-proġetti. L-applikant irid ikun:

  • istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja (idealment minn pajjiż sieħeb),
  • assoċjazzjoni jew organizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, jew
  • fil-każ tal-Proġetti Strutturali, organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali tar-retturi, tal-għalliema jew tal-istudenti li tkun legalment rikonoxxuta.

Organizzazzjonijiet mil-Libja, is-Sirja u l-Federazzjoni Russa ma jistgħux jaġixxu bħala applikanti.

Is-sħab tal-proġett jistgħu jkunu jew istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jew kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata attiva fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ. Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jipparteċipaw bħala:

  • Sħab Sħaħ, li jipparteċipaw attivament fil-proġett taħt l-awtorità tal-applikant, u
  • Sħab Assoċjati, li jikkontribwixxu għal kompiti jew attivitajiet speċifiċi.

Is-Sħab Assoċjati ma jitqisux parti mill-konsorzju u, għalhekk, ma jistgħux jibbenefikaw minn xi appoġġ finanzjarju mill-proġett.

X'jeħtieġlek tkun taf aktar?

Il-proġetti tal-Bini tal-Kapaċità tipikament jiffukaw fuq tliet attivitajiet prinċipali:

  • attivitajiet ta' żvilupp tal-kurrikulu
  • il-modernizzazzjoni tal-governanza u l-immaniġġjar tal-Istituzzjonijiet u s-sistemi ta' Edukazzjoni Għolja
  • it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-ambjent tal-Edukazzjoni Għolja u l-ambjent ekonomiku u soċjali usa’.

Il-proġetti tipikament idumu sentejn jew tlieta u l-għotja tvarja bejn EUR 500,000 u EUR 1 miljun. Din tista' tintuża biex tkopri l-ispejjeż tal-persunal, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, it-tagħmir u l-attivitajiet ta' sottokuntrattar.

Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Għolja stabbiliti f’Pajjiżi tal-Programm irid jkollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja valida.

Il-proġetti li għandhom fil-mira r-reġjuni 1, 2 jew 3 jistgħu wkoll jinkludu Sezzjoni tal-Mobilità Speċjali għall-istudenti u l-persunal biex jistudjaw jew jitħarrġu, jew jgħallmu barra l-pajjiż. Madankollu, mhux il-proġetti kollha se jirċievu l-finanzjament għas-sezzjoni tal-mobilità u, għalhekk, is-sezzjoni tal-mobilità m'għandhiex tfixkel il-kisba ġenerali tal-għanijiet tal-proġett.

Kif tapplika?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi onlajn taħt waħda mis-sejħiet annwali għall-proposti ppubblikati mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Kun af aktar

Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ hi s-sors ewlieni ta' informazzjoni dwar l-opportunitajiet tal-bini tal-kapaċità, għalkemm hi disponibbli aktar informazzjoni dwar il-proċess ta' applikazzjoni mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Għal aktar informazzjoni tista' tikkuntattja lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Jekk int minn pajjiż fir-reġjuni 1, 2, 3, 4 u 7 - jew int interessat li tikkoopera ma' istituzzjonijiet minn dawn il-pajjiżi, tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju Nazzjonali ta' Erasmus+ f'dak il-pajjiż sieħeb.

Jekk int minn Pajjiż tal-Programm tista' tikkuntattja wkoll lill-Punt ta' Kuntatt Internazzjonali ta' Erasmus+ fl-Aġenzija Nazzjonali tiegħek.

Website feedback

Please note that we can only respond to issues concerning the Erasmus+ website. 

For general questions about Erasmus+, please contact your National AgencyNational Erasmus+ Office, or our helpdesk, EuropeDirect.