Erasmus+

L-istudju barra l-pajjiż

Erasmus+ jgħin fl-organizzazzjoni ta' skambji ta' studenti u kandidati għad-dottorat fi ħdan Pajjiżi tal-programm Erasmus+ u minn Pajjiżi sieħba jew lejhom.

Meta tistudja barra l-pajjiż ma' Erasmus+, tista' ttejjeb il-ħiliet tiegħek ta' komunikazzjoni, tal-lingwa u dawk interkulturali u tiggwadanja ħiliet personali li huma mfittxija mill-impjegaturi tal-futur. Aqra aktar dwar il-benefiċċji ta' skambju barra l-pajjiż.

Tista' tikkombina l-perjodu tiegħek li tqatta' tistudja barra l-pajjiż f'Pajjiż tal-programm ma' traineeship biex tiggwadanja esperjenza ta' xogħol - dejjem iktar importanti meta tkun għadek qed tibda fis-suq tax-xogħol.

L-opportunità li tistudja barra l-pajjiż hi disponibbli għal studenti fil-livelli ta' Baċċelerat u Masters u kandidati għad-Dottorat.

L-aċċess għall-Appoġġ Lingwistiku Onlajn ta' Erasmus+ se jgħinek titgħallem il-lingwa użata għall-istudji tiegħek jekk qed tiċċaqlaq bejn Pajjiżi tal-programm.

Studenti b'kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa jistgħu japplikaw għal finanzjament addizzjonali wara li jkunu ġew magħżula biex jistudjaw barra l-pajjiż.

Tul ta' żmien

Il-perjodu ta' studju tiegħek barra l-pajjiż jista' jdum minn minimu ta' 3 xhur (jew term akkademiku jew trimestru) sa massimu ta' 12-il xahar.

Tista' tibbenefika minn skambju barra l-pajjiż ma' Erasmus+ ħafna drabi, jew bħala student jew bħala trainee, iżda ż-żmien totali barra l-pajjiż (perjodi ta' studji barra l-pajjiż inklużi) ma jistax jaqbeż 12-il xahar f'ċiklu wieħed ta' studju.

"Ċiklu" jirreferi għal-livell ta' studju kif definit mill-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK):

  • L-ewwel ċiklu (Baċellerat jew ekwivalenti) QEK – 5/6
  • It-tieni ċiklu (Masters jew ekwivalenti) QEK 7
  • It-tielet ċiklu (Dottorat jew ekwivalenti) QEK 8

Għal korsijiet ta' "ċiklu wieħed" bħall-mediċina u l-arkittetura, tista' tmur barra l-pajjiż ma' Erasmus+ għal perjodu sa 24 xahar.

Kundizzjonijiet

Biex tistudja barra l-pajjiż ma' Erasmus+, trid tkun irreġistrat f'istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja u qed tattendi studji li jwasslu għal lawrja rikonoxxuta jew kwalifika fil-livell terzjarju. Għal studenti fl-ewwel ċiklu, trid tkun tal-inqas fit-tieni sena tal-istudji tiegħek.

Il-perjodu ta' studju tiegħek irid ikun rilevanti għall-ħtiġijiet ta' tagħlim relatat mal-lawrja u ta' żvilupp personali tiegħek, u jkun parti mill-programm ta' studju li qed issegwi.

L-istituzzjoni domiċiljari tiegħek u l-istituzzjoni riċeventi jrid ikollhom ftehim interistituzzjonali bejniethom biex int tkun tista' tistudja hemm ma' Erasmus+.

Iż-żewġ istituzzjonijiet irid ikollhom ukoll il-Karta ta' Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (jekk huma Pajjiżi tal-programm). L-istituzzjonijiet mill-Pajjiżi sieħba jimpenjaw rwieħhom li jimxu mal-prinċipju tal-Karta meta jiffirmaw il-ftehimiet interistituzzjonali.

Rikonoxximent akkademiku

Qabel il-perjodu ta' studju barra l-pajjiż:

  1. Int, l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li qed tibgħatek u dik riċeventi tridu tiffirmaw Ftehim ta' Tagħlim għall-Istudji biex tkun żgurata tħejjija trasparenti u effiċjenti tal-iskambju barra l-pajjiż, kif ukoll biex taqblu kif se jkunu rikonoxxuti l-attivitajiet li jitlestew b'suċċess. Dan id-dokument jistabbilixxi d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tad-diversi partijiet.
  2. Se tirċievi l-Karta tal-Istudent Erasmus+, li tispjega d-drittijiet u l-obbligi tiegħek fir-rigward tal-perjodu tiegħek tal-istudju barra l-pajjiż.

Wara l-perjodu ta' studju barra l-pajjiż:

  1. L-istituzzjoni riċeventi ta’ edukazzjoni għolja trid tagħti kemm lilek kif ukoll lill-istituzzjoni li qed tibgħat traskrizzjoni tar-rekords li tikkonferma li l-programm maqbul tlesta u li tapprova r-riżultati.

  2. L-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek trid tirrikonoxxi l-krediti (bl-użu tal-krediti ECTS jew sistema ekwivalenti) kif maqbul fil-Ftehim ta' Tagħlim qabel il-mobilità u tqishom mal-krediti l-oħra lejn il-lawrja tiegħek, mingħajr aktar rekwiżiti.

  3. Jekk l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek hi f'Pajjiż tal-programm, il-perjodu ta' mobilità għandu jiġi rreġistrat ukoll fis-Suppliment tad-Diploma.

Aqra aktar dwar il-Linji gwida dwar kif tuża l-Ftehim ta' Tagħlim għall-Istudji

Appoġġ finanzjarju

Tista' tirċievi għotja ta' Erasmus+ bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u sussistenza tiegħek. Din tista' tvarja skont id-differenzi fl-għoli tal-ħajja bejn pajjiżek u l-pajjiż ta' destinazzjoni, l-għadd ta' studenti li qed japplikaw għal għotja, id-distanza bejn il-pajjiżi u d-disponibbiltà ta' għotjiet oħra.

Jekk qed tiċċaqlaq bejn Pajjiżi tal-programm, iċċekkja mal-Aġenzija Nazzjonali tiegħek u l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li qed tibgħatek għar-rati applikabbli. Hemm ukoll appoġġ extra għall-istudenti li jkunu sejrin fuq traineeship, studenti bi sfond żvantaġġat jew mill-pajjiżi jew reġjuni tal-programm ultraperifiċi.

Il-livelli tal-għotjiet u r-rati fissi għall-iskambji bejn Pajjiżi tal-programm u Pajjiżi sieħba huma ppubblikati fil-Gwida tal-Programm Erasmus+.

Irrispettivament mill-fatt jekk tirċevix għotja ta' Erasmus+ jew tkun student b'għotja żero ta' Erasmus+, int se tiffirma ftehim ta' għotja li jispeċifika t-tul ta' żmien ta' mobilità, l-ammont tal-għotja u d-drittijiet u l-obbligi l-oħra tiegħek.  

Jekk int mobbli fi ħdan Pajjiżi tal-programm, l-istituzzjoni li qed tibgħatek se tiffirma l-ftehim ta' għotja tiegħek u se tkun responsabbli biex tħallas il-pagamenti kollha.

Jekk qed tiċċaqlaq bejn Pajjiż tal-programm u Pajjiż sieħeb, l-istituzzjoni tal-Pajjiż tal-programm se tiffirma l-ftehim ta' għotja. L-istituzzjoni li qed tibgħat u dik li qed tirċievi se jiddeċiedu min minnhom se jħallas il-pagamenti tiegħek.

Bħala student ta' Erasmus+, se tkun eżentat mit-tariffi tat-tagħlim, tar-reġistrazzjoni, tal-eżamijiet, u t-tariffi għall-aċċess għal-laboratorji jew il-libreriji fl-istituzzjoni riċeventi. Xorta jistgħu japplikaw tariffi żgħar tal-assigurazzjoni jew għas-sħubija mal-unjoni tal-istudenti.

Tista' tkun eleġibbli għal għotjiet addizzjonali mill-istituzzjoni tiegħek, mill-gvern jew minn sorsi oħrajn. Iċċekkja l-Gwida ta' Finanzjament Ewropew jew il-Portali tal-Istudju

Tista' tkun ukoll eleġibbli biex tapplika għal borża ta' studju għal programm Konġunt ta' Masters jew Dottorat.

Kif tapplika

Tista' tapplika permezz tal-uffiċċju internazzjonali jew ta' Erasmus+ tal-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek.

Għandek tkun magħżul mill-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li qed tibgħatek b'mod ġust u trasparenti.

Arranġamenti għal studenti b'kundizzjonijiet fiżiċi, mentali u relatati mas-saħħa

Studenti b'kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa jistgħu japplikaw għal finanzjament addizzjonali wara li jkunu ġew magħżula għal perjodu ta' mobilità.

Kun af aktar

Ara li tkun taf id-drittijiet tiegħek meta tistudja jew tmur fuq traineeship barra l-pajjiż.

Studenti b'aktar mistoqsijiet dwar il-parteċipazzjoni f'Erasmus+ għandhom jiċċekkjaw il-mistoqsijiet frekwenti qabel jikkuntattjaw l-istituzzjoni tagħhom, l-Aġenziji Nazzjonali għall-Pajjiżi tal-programm u l-Uffiċċji Nazzjonali għall-Pajjiżi sieħba (fejn disponibbli).

L-ESAA - Assoċjazzjoni tal-Istudenti u l-Alumni ta' Erasmus+ toffri lill-istudenti u l-alumni ta' Erasmus+ forum dinamiku għan-netwerking, l-iżvilupp professjonali u l-iskambju interkulturali.

L-istudenti tad-dottorat jistgħu jirċievu wkoll appoġġ mill-UE għal perjodi ta' riċerka barra l-pajjiż permezz tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie.

Filmat: Erasmus+: niftħu l-bibien għal karrieri ġodda ma' Brechje Schwachofer, l-Ambaxxatur tan-Netherlands għal Ċipru, dwar kif l-iskambju ta' Erasmus tagħha għinha tkompli karriera fis-Servizz tal-Affarijiet Barranin Netherlandiż.

Website feedback

Please note that we can only respond to issues concerning the Erasmus+ website. 

For general questions about Erasmus+, please contact your National AgencyNational Erasmus+ Office, or our helpdesk, EuropeDirect.