Mogħdija tan-navigazzjoni

Il-prinċipju li min iniġġes iħallas jittieħed għal-livell li jmiss - 09/07/2008

Trakkijiet jimblukkaw triq

Skond pjan ġdid tal-Kummissjoni, il-pajjiżi ta' l-UE jistgħu jitolbu lill-operaturi ta' vetturi kbar li jġorru l-merkanzija sabiex iħallsu biex ipattu għall-istorbju, il-konġestjoni u t-tniġġis ta' l-arja li jikkawżaw it-trakkijiet tagħhom.

Fl-Unjoni Ewropea, 73% tal-merkanzija trasportata bl-art tinġarr permezz tat-trakkijiet, anke jekk dawn juru anqas ħniena ma' l-ambjent mill-ferroviji u l-mezzi tat-trasport fuq l-ilma. It-trakkijiet jikkawżaw 90% ta' l-ispejjeż ambjentali tas-settur tat-trasport kollu, li l-Kummissjoni tistma li jlaħħqu madwar €100bn fis-sena.

Bħalissa, il-vetturi l-kbar li jivvjaġġaw fi ħdan l-UE jistgħu jintalbu jħallsu biss għall-ħsarat fit-toroq li jseħħu minħabba l-użu. Il-proposta għal trasport aktar ekoloġiku li ressqet il-Kummissjoni, tippermetti lill-gvernijiet li jintaxxaw ukoll għal spejjeż relatati ma' l-istorbju, it-tniġġis ta' l-arja u l-konġestjoni tat-traffiku.

Il-gvernijiet mhux se jiġu mġiegħla jimponu dawn it-taxxi, imma jkollhom l-għażla li jagħmlu dan għal vetturi li jiżnu aktar minn 3.5 tunnellata. It-taxxi jkunu limitati f'kategoriji, b'rati aktar baxxi għat-trakkijiet li jniġġsu anqas. Se jkun hemm ukoll inċentiva sabiex it-trakkijiet jevitaw iż-żoni suburbani u minflok jużaw il-motorways.

Id-dħul iġġenerat minn dawn it-taxxi għandu jintuża sabiex jiġu ffinanzjati sforzi ħalli jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport, per eżempju permezz ta' l-iżvilupp ta' vetturi aktar effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija.

Il-proposta, li hija ppjanata li tidħol fis-seħħ fl-2011, jeħtieġilha tiġi approvata mill-gvernijiet ta' l-UE u l-Parlament Ewropew sabiex tissawwar f'liġi. Din tkun l-ewwel darba li l-pajjiżi ta' l-UE se jkunu jistgħu jitolbu ħlas mingħand l-operaturi tal-merkazija għall-ħsara ambjentali li jwettqu.

Fi kliem il-Kummissarju ta' l-UE inkarigat mit-trasport dadeelenesfifritnlptsv Antonio Tajani, il-pakkett huwa intiż sabiex "jiżgura li min iniġġes u mhux il-poplu in ġenerali jħallas għad-danni ambjentali li jwettaq".

Il-proposta hija parti minn pjan estensiv maħsub biex jagħmel it-trasport aktar effiċjenti u kompatibbli ma' l-ambjent. Hemm inklużi wkoll miżuri li jindirizzaw l-istorbju mill-mezzi ta' l-ajru, il-gassijiet li jikkawżaw l-effett serra fis-settur marittimu u t-tassazzjoni marbuta mal-bidla fil-klima.

Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq leġiżlazzjoni sabiex tnaqqas b'50% l-istorbju mit-trejns li jġorru l-merkanzija. L-għan ta' dan hu li fl-EU, sa l-2014, 16-il miljun ruħ jibbenefikaw minn tnaqqis sostanzjali fl-istorbju ferrovjarju.

Dan l-aħħar, il-Kummissjoni ħadet passi sabiex tnaqqas l-emissjonijiet tal-CO2 fl-avjazzjoni billi ssemplifikat is-sistemi tal-kontroll ta' l-ispazju ta' l-ajru ta' l-UE u qassret ir-rotot użati mil-linji tal-passiġġieri. Fl-industrija tal-karozzi, ipproponiet limiti fuq l-emissjonijiet tal-karozzi ġodda.

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli