Mogħdija tan-navigazzjoni

Sistema ta' twissija tal-indiċenti fit-toroq eCall - il-kumpaniji Ewropej tal-mowbajls jaqblu li jagħtu daqqa t'id

Il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni mobbli, impenjaw ruħhom li jappoġġjaw il-kampanja tal-UE biex jgħammru l-karozzi l-ġodda b'apparat li meta jseħħ inċident, iċempel awtomatikament għall-għajnuna.

L-appoġġ tal-Assoċjazzjoni tal-GSM, li hija entità li tirrappreżenta mijiet ta' kumpaniji, ifisser pass il-quddiem għall-eCall English. Il-ħidma tas-sistema teħtieġ l-involviment tal-industrija tat-telekomunikazzjoni, il-manifatturi tal-karozzi u s-sistemi ta' emerġenza.

Il-Kummissarju għat-telekomunikazzjoni Viviane Reding tittama li l-impenn li ġie ffirmat matul ċerimonja fid-9 ta' Settembru jħeġġeġ il-pajjiżi tal-UE biex jadottaw l-eCall mill-aktar fis possibbli. Għalissa s-sistema mhijiex obbligatorja, iżda l-Kummissjoni qed tikkunsidra biex tagħmilha mandatorja jekk sal-aħħar tas-sena ma jsirx progress.

It-tnedija hija ppjanata għall-ħarifa, iżda erba' snin wara li nbeda l-proġett, l-ebda pajjiż tal-UE għadu ma adotta l-eCall.

Is-sistema hija mistennija li ssalva madwar 2,500 ħajja kull sena madwar l-Ewropa u tnaqqas korrimenti serji b'tal-anqas 10%. L-inizjattiva tinvolvi l-karozzi l-ġodda biss. Għaldaqstant l-UE mhijiex titlob li din is-sistema tiġi nstallata fil-karozzi l-qodma.

Bosta pajjiżi wrew it-tħassib tagħhom dwar in-nefqa li hija stmata għal madwar €100 għal kull karozza. Oħrajn qegħdin jaġġornaw iċ-ċentri ta' emerġenza u jħarrġu l-persunal biex jittrattaw is-sejħiet. Dan kollu qed isir b'pass kajman.

Meta l-apparat tal-eCall ibassar impatt sostanzjali, dan awtomatikament iċempel 112, in-numru Ewropew tal-emerġenza u jinforma lill-ħaddiema ta' salvataġġ dwar fejn tinsab il-karozza. Is-sejħiet jistgħu jsiru wkoll billi tingħafas buttuna.

F'każijiet oħra, minbarra l-link awtomatiku għall-informazzjoni tiġi stabbilita konnessjoni bil-vuċi bejn il-vettura u ċ-ċentru ta' salvataġġ. B'dan il-mod, ix-xufiera u l-passiġġieri li huma f'pożizzjoni li jwieġbu mistoqsijiet ikunu jistgħu jipprovdu dettalji ulterjuri dwar l-inċident.

 

Aktar dwar l-eCall English

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli