Għodod għall-aċċessibilità
Għodod tas-servizz
Selettur tal-lingwa
Mogħdija tan-navigazzjoni

Ħu ritratti ta' proġetti ffinanzjati mill-UE fir-reġjun tiegħek u jkollok ċans tirbaħ tagħmir tal-kamera li jiswa €1,000, kif ukoll vjaġġ għal tnejn fi Brussell.
Uri l-ħiliet tiegħek fil-fotografija dan is-sajf billi tibgħatilna ritratti li tieħu int ta' proġett reġjonali tal-UE.
Ir-ritratti għandhom ikunu ta’ proġetti li jirċievu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-fond ta’ koeżjoni. Għandhom juru l-logo tal-proġett – fittex bord jew tabella bil-bandiera tal-UE u bl-informazzjoni dwar il-finanzjament tal-proġett.
Il-fondi jgħinu lir-reġjuni inqas żviluppati tal-UE biex jimmodernizzaw u jwieġbu għall-isfidi ta’ ekonomija dinjija globalizzata. Il-finanzjament jintuża biex, ngħidu aħna, jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-ħaddiema lokali, titħeġġeġ l-intraprenditorija, tittejjeb l-infrastruttura u jitħares l-ambjent.
Tista' tipparteċipa fil-kompetizzjoni
jew bħala persuna li taħdem għal organizzazzjoni li tirċievi l-finanzjament reġjonali tal-UE, jew bħala membru tal-pubbliku – jeżistu żewġ kategoriji separati. L-ewwel trid tingħaqad ma' Facebook biex tieħu sehem jekk għadek m'intix parti minn dan is-sit ta' netwerking soċjali.
Biex tibda, sib proġett – fir-reġjun tiegħek jew iktar fil-bogħod.
Fil-ħarifa, se jintgħażlu żewġ rebbieħa f'kull kategorija, wieħed minnhom jintgħażel mill-pubbliku permezz ta' formola ta' votazzjoni onlajn (il-votazzjoni tibda fis-27 ta' Awwissu u tintemm fis-7 ta' Settembru).
Ir-rebbieħa l-oħra jintgħażlu minn ġurija. Ir-ritratti se jiġu ġġudikati skont l-estetika, il-kreattività u r-relevanza għall-politika reġjonali tal-UE.
Kull rebbieħ se jirċievi €1,000 li jintefqu fuq tagħmir ta' kameras diġitali u vjaġġ għal tnejn fi Brussell matul il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Ibliet
(8-11 ta' Ottubru).
Kemm jekk tinsab f'pajjiżek jew barra minn pajjiżek, oqgħod attent għall-proġetti u ġorr il-kamera miegħek. Għandek ċans tibgħat ir-ritratti sal-aħħar ta' Awwissu.