Mogħdija tan-navigazzjoni

Dgħajsa tal-għassa tal-Gwardja Kostali Taljana fil-port © UE

L-UE varat pjanijiet radikali għal għassa aktar stretta tal-fruntieri tal-baħar tagħha fit-tentattiv li tevita l-imwiet tal-migranti li jfittxu li jaslu fl-Ewropa billi jaqsmu l-Mediterran.

Kull sena mijiet ta' migranti jaqsmu l-Mediterran f'attentat biex jaslu fl-Ewropa. F'Ottubru ta' din is-sena, aktar minn 360 minn dawn in-nies għerqu wara li d-dgħajsa li kienu qed jivvjaġġaw fuqha inqalbet qrib il-gżira Taljana ta' Lampedusa.

Kien l-aktar aċċident reċenti u qerriedi minn ħafna aċċidenti li ġraw lil dawn l-immigranti prospettivi lejn l-UE fis-snin reċenti hekk kif jippruvaw jaqsmu l-ilmijiet li jisseparaw l-Afrika mill-Ewropa.

Tiġdid tas-sistema tal-asil

Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' repetizzjoni ta' dak li ġara, il-Kummissjoni ssuġġeriet li l-migranti għandhom ikunu jistgħu japplikaw għall-asil fl-UE minn barra l-UE - biex jaqtgħu qalbhom milli jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi lejn l-Ewropa.

Il-politika attwali tal-UE teħtieġ lill-persuni li jfittxu l-asil, li ħafna minnhom ikunu qed jaħarbu l-gwerra jew il-persekuzzjoni fil-pajjiż nattiv tagħhom, ikunu fuq art Ewropea qabel japplikaw għall-istat ta' refuġjat.

Il-proposta twassal sabiex Frontex, l-aġenzija tal-fruntieri tal-UE, tuża l-bastimenti tal-pajjiżi membri tal-UE biex jgħassu l-ibħra bejn Ċipru u Spanja u tiswa madwar €14-il miljun fis-sena.

Minbarra li jevita l-imwiet fuq il-baħar, il-Kummissjoni tispera li l-pjan iwassal għal aktar arresti ta' kuntrabandisti tal-bnedmin. Iż-żieda fl-għassa għandha wkoll tgħin fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kriminalità organizzata.

Il-qasam eżekuttiv tal-UE ippropona wkoll li tingħata għajnuna amministrattiva lill-pajjiżi membri li qed ibatu biex ilaħħqu mal-għadd kbir ta' applikazzjonijiet għall-asil.

Risistemazzjoni tar-refuġjati

Suġġeriment ieħor huwa li l-pajjiżi membri jirċievu €6,000 għal kull refuġjat li jsibu risistemazzjoni għalih. Dan jinkoraġixxi lill-pajjiżi tal-UE biex, pereżempju, jittrasportaw bl-ajru lir-refuġjati direttament mill-kampijiet tal-asil jew miż-żoni ta' kunflitt.

Il-Kummissjoni ipproponiet ukoll li jsiru ftehimiet għall-ġestjoni konġunta tal-migrazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE, partikolarment dawk fit-Tramuntana tal-Afrika, li minnhom jivvjaġġaw ħafna migranti biex jaslu fl-Ewropa.

Hu ppjanat li l-ministri tal-ġustizzja u l-affarijiet interni tal-UE se jiddiskutu l-inizjattiva l-ġdida din il-ġimgħa, qabel ma tittieħed deċiżjoni finali waqt samit tal-mexxejja tal-UE fid-19/20 ta' Diċembru.

Stqarrija għall-istampa - Azzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni fil-Mediterran DeutschEnglishfrançais

Dokument ta' politika - Task Force għall-Mediterran pdf - 155 KB [155 KB] English (en)

Skeda informattiva - Azzjoni tal-EU dwar il-migrazzjoni u l-asil българскиEnglish

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli