Mogħdija tan-navigazzjoni

Fruntieri siguri, iċċekkjar aktar intelliġenti - 28/02/2013

Passaport © EU

Il-proposti għandhom isaħħu l-kontrolli għal dawk li jidħlu fiż-żona ta' vvjaġġar bla passaport fl-UE, iħaffu l-proċeduri għal dawk li jivvjaġġaw ta' spiss, u jipprovdu aktar sigurtà.

Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jivvjaġġaw b'mod ħieles fil-pajjiżi fiż-żona li fiha mhux meħtieġ passaport mingħajr ma jsirilhom iċċekkjar mal-fruntieri. Il-barranin li jivvjaġġaw fl-UE jgawdu wkoll minn din il-libertà – ladarba jkunu diġà għaddew minn kontroll tal-passaporti f'wieħed mill-punti ta' dħul taż-żona.

Madankollu, l-għadd ta' barranin li jivvjaġġaw lejn l-UE qed jiżdied, dan jista' jirriżulta f'dewmien itwal jekk il-proċeduri li jimmaniġġjaw l-influss ma jsirux aktar sempliċi u effiċjenti.

Bħala tweġiba l-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi sistema komuni ta' reġistrazzjoni elettronika English (en) mal-fruntieri. Din għandha tħaffef il-proċeduri tad-dħul u tal-ħruġ għall-vjaġġaturi leġittimi filwaqt li ttejjeb is-sigurtà għall-pajjiżi kollha tal-UE.

Programm għall-vjaġġaturi reġistrati

Il-vjaġġaturi li jsiefru ta' spiss fl-UE se jkunu jistgħu jirreġistraw fi programm ġdid li jippermettilhom jidħlu fiż-żona ta' vvjaġġar bla passaport billi jsirilhom iċċekkjar issimplifikat mal-fruntieri. Huma għandhom jirċievu kard li tista' tinqara mill-magna wara li l-ewwel jiġu ċċekkjati biex ikun żgurat li jikkwalifikaw.

Ladarba jirreġistraw, ikunu jistgħu jużaw il-kard f'gejts tad-dħul u tal-ħruġ awtomatizzati minflok ma jkollhom jgħaddu mill-iċċekkjar manwali tal-passaporti. Il-gejts għandhom jiċċekkjar b'mod elettroniku l-kards, id-dokumenti u l-marki tas-swaba' tagħhom biex jiġi żgurat li dawn ikunu leġittimi.

Madwar 5 miljun vjaġġatur huma mistennija li jużaw is-sistema kull sena. Dawn jinkludu vjaġġaturi għal skop ta' negozju, il-ħaddiema fuq kuntratti b'perjodu ta' żmien qasir, ir-riċerkaturi, l-istudenti u dawk li jgħixu qrib il-fruntieri tal-UE. Hu fl-interess ekonomiku tagħna li d-dħul isirilhom faċli kemm jista' jkun possibbli. Fl-2011 il-vjaġġaturi barranin ikkontribwew €271 biljun għall-ekonomija tal-UE.

Rekords elettroniċi tad-dħul u tal-ħruġ

Il-proċeduri għandhom fl-istess waqt jittejbu għall-vjaġġaturi kollha. Sistema ta' reġistrazzjoni elettronika komuni għandha tippermetti lill-awtoritajiet biex jiddeterminaw malajr meta vjaġġatur barrani jkun kiser ir-regoli.

Din għandha tieħu post is-sistema manwali użata bħalissa, ibbażata primarjament fuq iċċekkjar tat-timbri u tal-viżi fid-dokumenti tal-ivvjaġġar. Din is-sistema tieħu ħafna ħin żejjed u ma tippermettix lill-awtoritajiet li jsibu faċilment lil dawk li joqogħdu fl-UE aktar fit-tul mill-permess li jkollhom.

Il-passi li jmiss

Il-proposti issa se jmorru quddiem il-Parlament Ewropew u l-mexxejja tal-UE biex jiġu kkunsidrati, bl-implimentazzjoni ppjanata sal-2018.

Aktar dwar iż-żona ta' vvjaġġar bla passaport fl-UE English (en)

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli