Mogħdija tan-navigazzjoni

Għajnuna konsulari għaċ-ċittadini kollha tal-UE - 23/03/2011

Lasti bil-bnadar ta' 27 pajjiż membru tal-UE © UE

Miżuri ġodda se jippromwovu d-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-protezzjoni konsulari meta jkunu qed jivvjaġġaw jew jgħixu f'pajjiż barra l-UE u meta pajjiżhom mhux rappreżentat lokalment.

Meta ssib ruħek f'xi inkwiet barra minn pajjiżek, l-ewwel post li tmur fih spiss ikun il-konsulat jew l-ambaxxata ta' Malta. Iżda x'tagħmel jekk Malta ma jkollhiex rappreżentanza diplomatika f'dak il-pajjiż fejn tkun?

F'każijiet bħal dawn, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jingħataw għajnuna mill-konsulat jew l-ambaxxata ta' kull pajjiż ieħor tal-UE.

Dan hu dritt taċ-ċittadinanza tal-UE: il-pajjiżi tal-UE għandhom jagħtu l-istess għajnuna bħalma jagħtu liċ-ċittadini tagħhom lil ċittadini oħra tal-UE li jkunu barra minn pajjiżhom u li ma jkollhomx rappreżentanza hemmhekk.

Dan id-dritt japplika fil-pajjiżi kollha li mhumiex fl-UE. Fil-Libja, pereżempju, l-Ungerija reċentement evakwat 27 ċittadin minn tagħha bl-ajru, flimkien ma' xi 60 ċittadin ieħor mir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Ġermanja, u r-Repubblika Ċeka.

Fil-Ġappun, il-Ġermanja kriet kowċ biex iwassal Ġermaniżi u xi 18-il ċittadin ieħor tal-UE minn Sendai wara li l-belt inqerdet mit-terremot u t-tsunami fil-11 ta' Marzu.

Emerġenzi bħal dawn huma rari, iżda d-dritt għal assistenza konsulari ta' din ix-xorta barra 'l pajjiż hu disponibbli wkoll meta jinqalgħu problemi aktar komuni bħas-serq ta' passaporti, aċċidenti serji u mard.

Inqajmu kuxjenza

Billi ħafna ċittadini u uffiċjali konsulari għadhom mhumiex konxji minn dan id-dritt, il-Kummissjoni qed tieħu passi biex tingħata aktar informazzjoni u biex isir eħfef għall-Ewropej li jinsabu barra minn pajjiżhom li jingħataw l-għajnuna meta tkun meħtieġa.

Websajt għal tal-apposta tnieda b'informazzjoni dwar it-tip ta' għajnuna li tista' tingħata u d-dettalji ta' kuntatt tal-konsulati/l-ambaxxati f'pajjiżi li mhumiex fl-UE. Dan jgħaddi wkoll parir uffiċjali dwar il-ivvjaġġar għal kull wieħed minn dawn il-pajjiżi mogħti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-UE.

Matul is-sena d-dieħla l-Kummissjoni se tipproponi miżuri ġodda biex tikkonsolida d-drittijiet tal-Ewropej li jitolbu u jirċievu għajnuna ta' din ix-xorta.

It-tibdiliet għandhom jgħinu wkoll biex titjieb l-għajnuna ta' kuljum li tista' tingħata mill-konsulati u l-ambaxxati liċ-ċittadini tal-UE li mhumiex rappreżentati. Dawn jinkludu li jkun eħfef li wieħed jingħata għajnuna finanzjarja matul kriżi - u biex il-pajjiż li ta l-għajnuna liċ-ċittadin tal-UE jitħallas lura mill-pajjiż taċ-ċittadin.

Ta' kull sena ċ-ċittadini tal-UE jagħmlu aktar minn 90 miljun vjaġġ barra l-UE. Madwar 30 miljun jgħixu b'mod permanenti f'pajjiżi barra l-UE. Hu biss fl-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja li s-27 pajjiż tal-UE huma lkoll irrappreżentati diplomatikament. F'kull post ieħor, iċ-ċittadini tal-UE mingħajr rappreżentanza għandhom jirrikorru għall-għajnuna f'pajjiżi tal-UE oħra.

Aktar dwar iċ-ċittadinanza tal-UE English

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli