Għodod għall-aċċessibilità
Għodod tas-servizz
Selettur tal-lingwa
Mogħdija tan-navigazzjoni

Il-Kummissjoni tintroduċi leġiżlazzjoni biex il-pajjiżi tal-UE jkollhom jinfurmaw lis-suspettati bit-drittijiet tagħhom bil-miktub meta jkunu arrestati. Il-proposta ssegwi leġiżlazzjoni riċenti li tagħti d-dritt lis-suspettati għal servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni.
Parti minn sforz biex jiġu stabbiliti standards madwar l-UE għall-proċeduri kriminali, l-abbozz tal-liġi
propost din il-ġimgħa jeħtieġ li d-dikjarazzjoni tkun miktuba b'mod sempliċi u jekk hemm bżonn tradotta.
Tnax il-pajjiż tal-UE diġà jużaw dawn 'l hekk imsejħa ittri tad-drittijiet. Oħrajn jipprvodu informazzjoni bil-kliem biss jew bil-miktub iżda b'mod li persuni li mhumiex fil-professjoni legali ma tantx ikunu jistgħu jifmhu. Ħafna pajjiżi ma jipprovdux informazzjoni sakemm is-suspettati ma jsaqsux għaliha.
Il-proposta tinkludi eżempju ta' dikjarazzjoni fi 22 lingwa tal-UE. Madanakollu, il-pajjiżi huma liberi li jagħżlu l-kliem eżatt huma stess.
Il-Kummissarju għall-ġustizzja Viviane Reding tgħid li l-liġi tiżgura li "kulħadd, kullimkien fl-UE jsir jaf bid-drittijiet tiegħu." B'mod partikolari, tagħti iktar serħan il-moħħ lill-Ewropej meta jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom.
Mijiet ta' eluf ta' ċittadini tal-UE jaqsmu l-fruntieri nazzjonali kuljum. Madwar 47% tal-Ġermaniżi, 34% tal-Ingliżi u 16% tat-Taljani jmorru btala f'pajjiż ieħor tal-UE.
L-abbozz ta' liġi huwa t-tieni pass f'serje ta' proposti ppjanati bil-għan li jiġu stabbiliti standards komuni għall-proċeduri kriminali fl-UE.
Iktar minn 8 miljun proċedura kriminali iseħħu kull sena fl-UE. It-trattati tal-UE jistabbilixxu għal-liema drittijiet is-suspettati huma intitolati, iżda sa issa l-pajjiżi setgħu jiddeċiedu huma kif jilqgħuhom.
Fis-snin li ġejjin l-UE qed tippjana li tibni korp tal-liġi komprensiv, billi teżerċita l-poteri l-ġodda skont it-trattat ta' Liżbona. B'riżultat ta' dan it-trattat, l-UE issa tista' tadotta miżuri biex ittejjeb u ssaħħaħ id-drittijiet individwali.
Iktar kmieni din is-sena, il-kummissjoni introduċiet leġiżlazzjoni li tobbliga lill-pajjiżi tal-UE li jipprovdu servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni lis-suspettati. Dik il-proposta issa dalwaqt se ssir liġi.
Żewġ proposti maħsuba għas-sena d-dieħla huma marbuta mad-dritt tal-avukat li jitkellem mal-qraba, min iħaddem u uffiċjali tal-konsolat.