Mogħdija tan-navigazzjoni

Is-Samit tal-G20: “Nippersistu fl-isforzi tagħna” - 05/09/2013

Il-President Barroso waqt it-tmien Samit tal-G20 fir-Russja

Dan is-samit tal-G20 għandu jibgħat messaġġ qawwi ta’ fiduċja li l-irkupru se jkompli, qal il-President Barroso qabel is-samit, illum f’San Pietruburgu.

“L-UE wettqet l-impenji tagħha li għamlet is-sena l-oħra, iżda l-irkupru globali għadu fraġli. (...) fl-Ewropa qed naraw bidla deċiżiva ", qal il-President Barroso, filwaqt li enfasizza li "għandna nevitaw kwalunkwe tip ta’ kompjaċenza, minħabba l-livell għoli ta’ qgħad għalkemm fil-fatt hemm sinjali pożittivi ta’ rkupru." Huwa ġibed l-attenzjoni għall-fatt li huwa ta’ importanza kritika li nagħmlu kull sforz biex niżguraw li dan l-irkupru huwa sostenibbli tul iż-żmien, u żied: “Huwa għalhekk li l-kredibbiltà u l-fiduċja huma kruċjali”. Il-President qed jistenna li l-G20 jadotta l-Pjan ta' Azzjoni ta' San Pietruburgu bħala mezz għal azzjoni kollettiva kontinwa favur it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

Il-President Barroso stabbilixxa wkoll l-aspettattivi tiegħu għal punti oħra fuq l-aġenda ta’ dan is-samit tal-G20: it-tassazzjoni, ir-regolamentazzjoni finanzjarja, u l-kummerċ.

  • Dwar it-tassazzjoni: “il-G20 għandu jispiċċa dak li bdejna fl-Ewropa billi l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni isir standard globali. Dan is-samit se jlesti l-bidla radikali fit-tassazzjoni. Iċ-ċittadini jistgħu jserrħu rashom: Il-jiem ta’ frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa minn individwi u kumpaniji waslu fl-aħħar. Qed nintroduċu aktar imparzjalità fit-tassazzjoni. (...) se nagħmel pressjoni biex jinbeda l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni fost il-membri tal-G20 mill-2015." Hu sejjaħ ukoll il-mexxejja tal-G20 biex “jieħdu azzjoni deċiżiva kontra t-trasferiment tal-profitt u l-erożjoni tal-bażi, ibbażati fuq ix-xogħol eċċellenti tal-OECD.”
  • Dwar ir-regolamentazzjoni finanzjarja: “dan il-G20 għandu jżomm l-impetu dwar ir-regolamentazzjoni finanzjarja u jkompli jimla l-lakuni fis-swieq finanzjarji”. Hu enfasizza f’dak il-kuntest li "l-Ewropa issa hija lesta li tmexxi azzjoni biex tixhed id-dawl f’qasam li s’issa baqa' fid-dlam: l-ibbankjar parallel." Dan jirreferi għall-metodu ambizzjuż għas-superviżjoni u r-regolazzjoni tal-ibbankjar parallel, propost mill-Kummissjoni Ewropea ġurnata qabel.
  • Dwar il-kummerċ: “dan is-samit għandu jikkonferma l-impenn tal-G20 kontra l-protezzjoniżmu, jestendi l-klawsola ta' sospensjoni ta' Toronto u jagħmel aktar biex bil-mod il-mod jitneħħew il-miżuri li jillimitaw il-kummerċ”. L-Ewropa qed tilliberalizza r-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma’ bosta pajjiżi u reġjuni fid-dinja, inkluż “ma’ xi pajjiżi fil-viċinat tagħna”. Huwa żied jgħid li "dan għandu jintlaqa’ bħala eżempju pożittiv ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea biex jiġu stimulati t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Mhux biss f’dawn il-pajjiżi, iżda wkoll f’reġjun aktar wiesa’. Nistennew li s-sovranità tal-ġirien u l-imsieħba tagħna tiġi rrispettata b’mod sħiħ", huwa enfasizza.

Il-President Barroso temm id-dikjarazzjoni tiegħu b'appell biex jinħoloq kunsens fil-Komunità internazzjonali dwar it-tweġiba għall-aħħar żviluppi fis-Sirja, kif ukoll dwar kif jista’ jintemm il-kunflitt hemmhekk, “l-akbar traġedja umanitarja ta’ żminijietna”: “Din il-ġimgħa ntlaħaq l-għadd terribbli ta’ 2 miljun rifuġjati Sirjani. Kollha kemm aħna għandna d-dmir li naġixxu”. L-UE hija l-akbar donatriċi li tipprovdi għajnuna għan-nies li jbatu l-konsegwenzi ta’ din il-kriżi (€1.3 biljun s’issa).

Dikjarazzjoni mill-President Barroso qabel is-samit tal-G20 f’San Pietruburgu English

Stqarrija għall-istampa: Pjan ta' direzzjoni tal-Kummissjoni għall-ittrattar tar-riskji inerenti fis-sistema bankarja parallela

Ir-ritratti u l-filmati mill-avveniment Englishfrançais

Aktar informazzjoni dwar il-G20 Deutsch (de) English (en) français (fr) português (pt)

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli