Mogħdija tan-navigazzjoni

L-UE u ċ-Ċina jsaħħu r-rabtiet bejniethom - 16/02/2012

Iż-żewġ poteri l-kbar isaħħu l-partenarjat tagħhom fl-14-il samit UE-Ċina.

Is-samit, li seħħ f'Pekin fl-14 ta' Frar, għaqqad lill-president tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, il-president tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, u l-Prim Ministru Ċiniż, Wen Jiabao.

"Il-partenarjat UE-Ċina hu wieħed mill-iktar importanti fid-dinja", saħaq il-president Barroso, waqt li fakkar l-isfida ta' dan il-partenarjat għall-"istabbiltà u l-prosperità fil-livell dinji".

Kooperazzjoni kummerċjali b'saħħitha

L-UE hi l-imsieħba kummerċjali ewlenija taċ-Ċina, u ċ-Ċina hi l-fornitur ewlieni tal-prodotti manifatturati fl-UE. L-iskambji kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina — biljun ewro kuljum — huma mutur għall-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni.

Biex jitħeġġu r-relazzjonijiet bejn l-intraprendituri Ċiniżi u Ewropej, in-negozjati għal ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-investimenti għandhom jibdew minnufih. L-Unjoni saħqet biex dan il-ftehim jiffavorixxi l-ftuħ tas-suq Ċiniż.

Urbanizzazzjoni sostenibbli

Tnieda partenarjat ġdid dwar l-iżvilupp urban matul is-samit. L-ewwel forum li se jsir din is-sena se jgħaqqad flimkien lis-sindki Ewropej u Ċiniżi biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-enerġija, il-kwalità tal-arja u tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart, il-mobilità u l-integrazzjoni tal-migranti fl-ibliet.

Il-multiplikazzjoni tal-iskambji personali

Reċentement l-UE inawgurat is-sena tad-djalogu bejn il-kulturi maċ-Ċina. L-għanijiet huma l-promozzjoni tal-iskambji kulturali u l-kuntatti bejn iċ-ċittadini Ewropej u Ċiniżi.

Huwa l-għan ukoll tad-"Djalogu bejn il-persuni", inizjattiva ġdida mnedija fl-okkażjoni tas-samit. Dan id-djalogu, li jiffoka speċjalment fuq l-edukazzjoni u l-kultura, hu maħsub, pereżempju, għall-ħolqien ta' kunsill ta' tagħlim superjuri UE-Ċina, kif ukoll skambji ta' studenti u għalliema.

Sfidi internazzjonali

L-UE u ċ-Ċina qablu li jsaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom fuq il-kwisjtonijiet internazzjonali bħall-programm nukleari tal-Iran u s-sitwazzjoni fis-Sirja u l-Birmanja/Mjanmar.

Iż-żewġ poteri ddeċidew ukoll li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-G20, biex jaħdmu id f'id għar-riżoluzzjoni tal-problemi tal-komunità internazzjonali, bħat-tibdil fil-klima u ċ-ċiberkriminalità.

Is-samit UE-Ċina tal-14 ta' Frar 2012 DeutschEnglishfrançaisportuguês

Ir-relazzjonijiet UE-Ċina Englishfrançais

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli