Mogħdija tan-navigazzjoni

L-Indja u l-UE jersqu lejn patt ta' kummerċ ħieles - 13/02/2012

L-UE u l-Indja jimxu 'l quddiem fin-negozjati tagħhom dwar il-kooperazzjoni ekonomika u l-patt ta' kummerċ ħieles ġejjieni, u jaqblu dwar aktar kollaborazzjoni fl-enerġija u r-riċerka.

L-UE u l-Indja saħħew il-kooperazzjoni tagħhom fl-oqsma tal-kummerċ, l-enerġija u r-riċerka fil-laqgħa li kellhom f'New Delhi fl-10 ta' Frar.

L-UE kienet rappreżentata mill-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy u mill-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso.

Kooperazzjoni kummerċjali

Din il-ħarifa l-UE u l-Indja jistennew li jlestu n-negozjati tagħhom dwar patt ta' kummerċ ħieles li l-għan tiegħu hu li jissaħħaħ il-kummerċ tal-prodotti u tas-servizzi.

"Il-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Indja se jkun l-uniku u l-akbar ftehim kummerċjali fid-dinja, li minnu se jibbenefikaw 1.7 biljun persuna," qal il-President Barroso. "Dan ifisser opportunitajiet ġodda kemm għall-kumpaniji Indjani kif ukoll għal dawk Ewropej. Ifisser ukoll impetu ewlieni għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħolqien ta' impjiegi u l-innovazzjoni fl-Indja u fl-Ewropa."

L-UE hi l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Indja, b'kummerċ ta' madwar €86 biljun fi prodotti u f'servizzi fl-2010. Il-kummerċ bilaterali fi prodotti tela' b'20% bejn l-2010 u l-2011.

Mill-2002 'l hawn, mill-15-il post l-Indja telgħet għat-8 post fil-lista tal-imsieħba kummerċjali prinċipali tal-UE. L-UE esportat kważi b'kemm jiswew €35 biljun ta' prodotti lejn l-Indja u importat €33 biljun fl-2010.

Enerġija u tibdil fil-klima

Fil-laqgħa, il-mexxejja taż-żewġ naħat wiegħdu li jaħdmu flimkien biex jitjiebu s-sigurtà, l-effiċjenza u s-sikurezza tal-enerġija. L-UE se żżid il-kooperazzjoni tagħha mal-Indja biex jiġu żviluppati sorsi ta' enerġija b'karbonju baxx, speċjalment ta' enerġija rinnovabbli.

Riċerka u innovazzjoni

Is-sena li għaddiet l-Indja, il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE nedew programm pilota ta' riċerka dwar l-ilma u l-bijoriżorsi.

F'din il-laqgħa huma adottaw strateġija biex jiġu identifikati oqsma addizzjonali għal kooperazzjoni fir-riċerka – fosthom l-enerġija, is-saħħa u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. L-UE u l-Indja se jżidu wkoll ir-rabtiet ta' riċerka permezz ta' aktar skambju bejn l-universitajiet u l-industrija.

Sigurtà

Iż-żewġ naħat identifikaw modi kif tiżdied il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-piraterija lil hinn mill-kosta tas-Somalja, u r-reati fil-qasam elettroniku.

Il-mexxejja ddiskutew ukoll kif l-Indja tista' tressaq mill-ġdid lill-Iran għan-negozjati internazzjonali dwar il-programm nukleari tiegħu.

Aktar dwar is-samit bejn l-UE u l-Indja – l-10 ta' Frar 2012 DeutschEnglishfrançaisportuguês

Aktar dwar ir-relazzjoni tal-UE mal-Indja Englishfrançais

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli