Mogħdija tan-navigazzjoni

Żviluppi fil-Libja: ħarsa ġenerali lejn ir-rispons tal-UE - 10/03/2011

Map of Northern Africa showing Libya © Fotolia

Hekk kif il-Libja għadha milquta mill-ġlied, l-Unjoni Ewropea imponiet sanzjonijiet kontra t-tmexxija Libjana u ser testendihom din il-ġimgħa.

Fi spirtu ta' solidarjetà, l-Istati Membri qegħdin jikkoordinaw ir-ripatrizzjoni taċ-ċittadini tagħhom u qegħdin imexxu operazzjoni konġunta ta' kontroll tal-fruntieri fl-Italja.Qiegħda tintbagħat għajnuna umanitarja lir-reġjun.

Fil-11 ta' Marzu, il-mexxejja tal-UE ser jiltaqgħu biex jiddiskutu r-rispons tal-Unjoni għall-avvenimenti fil-Libja u fir-reġjun aktar wiesa'.

Il-Libja fuq nett tal-aġenda

L-UE tikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-użu tal-forza kontra ċ-ċittadini u tiddeplora l-miżuri repressivi meħuda kontra d-dimostranti paċifiċi, li rriżultaw fil-mewt ta' għadd ta' ċittadini. Ippreseduti mill-Presidenza Ungeriza tal-Kunsill, il-ministri tal-Intern, tal-Enerġija u tad-Difiża diġà ltaqgħu biex jivvalutaw is-sitwazzjoni.

Il-President tal-Kunsill Ewopew sejjaħ laqgħa straordinarja tal-mexxejja tal-UE fi Brussell fil-11 ta' Marzu sabiex jiddiskuti l-linji strateġiċi tar-rispons tal-Unjoni għall-iżviluppi fil-Libja u fl-Afrika ta' Fuq.

Id-diskussjoni ser tinbena fuq dokument ta' politika li jipproponi sħubija ġdida għad-demokrazija u l-prosperità kondiviża mal-Mediterran tan-Nofsinhar ippreżentat mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni fit-8 ta' Marzu.

Il-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE ser jiltaqgħu fi Brussell illum, 10 ta' Marzu, biex jiskambjaw fehmiet bil-quddiem mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton stabbilixxiet task force li tgħaqqad flimkien is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-esperti tal-Kummissjoni sabiex jiġu adattati l-istrumenti eżistenti tal-UE għall-għajnuna tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq. L-għan huwa li jiġi pprovdut pakkett komprensiv ta' miżuri mfassal skont il-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull pajjiż. Missjoni teknika ta' tiftix tal-fatti żaret il-Libja biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni fuq il-post.

Embargo tal-armi u sanzjonijiet oħra

L-UE ser timponi aktar sanzjonijiet fuq il-Libja, inkluż l-istituzzjonijiet finanzjarji Libjani, fl-10 ta' Marzu.

Fit-28 ta' Frar kienet diġà ġiet imposta embargo tal-armi f'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u pprojbiet il-kummerċ mal-Libja ta' kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna. Id-deċiżjoni fil-Kunsill ittieħdet b'rapidità liema bħalha.

L-UE imponiet ukoll projbizzjoni ta' viża u ffriżar tal-assi fuq Muammar Gaddafi u persuni oħra responsabbli għar-repressjoni vjolenti fuq iċ-ċittadini. Is-sanzjonijiet adottati mill-UE t-tnejn jimplimentaw il-miżuri mitluba min-NU u jmorru lil hinn.

In-negozjati dwar ftehim ta' qafas UE-Libja u l-kuntratti ta' kooperazzjoni kontinwa mal-pajjiż ġew sospiżi mit-22 ta' Frar.

Rapidità fir-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE

L-UE ġabret flimkien ir-riżorsi tagħha sabiex tevakwa ċ-ċittadini tagħha mil-Libja. Il-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE fi Tripli ħadmu lejl u nhar fuq ir-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini b'koordinazzjoni mal-ambaxxata Ungeriża li tirrappreżenta l-Unjoni fuq il-post. Mit-23 ta' Frar, bħala parti mill-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili, iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) kien qiegħed jgħin biex jiġu identifikati u jsiru disponibbli l-assi għall-evakwazzjoni, inkluż permezz tal-baħar.

L-evakwazzjonijiet li għaddejjin bħalissa kienu qed jikkonċentraw fuq Tripli, Bengażi u r-reġjun ta' Jalu/Nafura. Iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) qed iħejji pjanijiet ta' kontinġenza għall-evakwazzjoni ta' ċittadini tal-UE bil-baħar mir-reġjun usa' ta' Tripli f'każ li l-evakwazzjoni bl-ajru ssir impossibbli.

Iċ-ċellola tal-ippjanar u l-moviment tal-Persunal Militari tal-UE qiegħda tikkoordina mal-Istati Membri u l-MIC sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tal-assi militari għal skopijiet ta' evakwazzjoni jew umanitarji. Iċ-Ċentru ta' Sitwazzjonijiet tal-UE qiegħed jissorvelja s-sitwazzjoni u jassisti lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom. Is-sistema konsulari online tal-UE qiegħda tikkontribwixxi għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri. Iċ-Ċentru Satellitari tal-UE qed jipprovdi xbihat sabiex jappoġġa l-isforzi ta' evakwazzjoni.

Operazzjoni ta' kontroll tal-fruntieri

Operazzjoni ta' kontroll tal-fruntieri Fiż-żona ċentrali Mediterranja, l-Italja u l-aġenzija tal-UE għall-kontroll tal-fruntieri Frontex qegħdin iwettqu operazzjoni konġunta msemmija Hermes 2011. Imnedija fl-20 ta' Frar b'segwitu għal talba formali mill-gvern Taljan, l-għan tal-operazzjoni huwa li tgħin lill-Italja tlaħħaq mal-flussi migratorji attwali u potenzjali mill-Afrika ta' Fuq. Għadd kbir ta' Stati Membri tal-UE pprovdew assi tekniċi (bħal tagħmir navali u tal-ajru) u persunal speċjalizzat.

Barra minn hekk, il-Frontex u l-Europol bdew analiżi tar-riskju għar-reġjun sabiex jagħmluha possibbli li jirreaġixxu aħjar għall-iżviluppi fuq il-post.

Għajnuna umanitarja

Għajnuna umanitarja Is-sitwazzjoni umanitarja fil-Libja għadha mhix magħrufa, peress li l-aċċess huwa limitat ħafna u l-preżenza ta' organizzazzjonijiet umanitarji għadha skarsa. Esperti mill-Kummissjoni Ewropea ġew stazzjonati fil-parti tal-Lvant tal-Libja fejn qed jaħdmu fuq l-ewwel valutazzjoni tal-ħtiġijiet umanitarji.

Il-Ministru tal-Istat Ungeriż Enikő Győri u Kristalina Georgieva, il-Kummissarju Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali, l-għajnuna umanitarja u r-rispons għall-kriżijiet, żaru l-fruntiera tat-Tuneżija mal-Libja fit-2 u t-3 ta' Marzu biex jiġbru informazzjoni diretta.

Il-Kummissjoni allokat 30 miljun euro sabiex tindirizza l-ħtiġijiet umanitarji fil-Libja u l-pajjiżi ġirien. Inizjalment, qed jiġu pprovduti għajnuna medika u alimentari, kenn u ħtiġijiet oħra lir-refuġjati li jaqsmu lejn it-Tuneżija u l-Eġittu. Meta s-sitwazzjoni ta' sigurtà fil-Libja tippermetti, ser tiġi pprovduta wkoll għajnuna fil-pajjiż.

Ġimagħtejn ilu, żewġ gruppi ta' esperti tal-ECHO (għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili tal-UE) ġew stazzjonati fil-fruntieri tal-Libja mat-Tuneżija u l-Eġittu sabiex janalizzaw il-kriżi umanitarja.

Wara l-appell konġunt ta' António Guterres, il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati, u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni għal programm ta' evakwazzjoni umanitarja kbira għal għexieren t'eluf ta' Eġizzjani u ċittadini oħra ta' pajjiżi terzi fil-fruntieri Tuneżini u Eġizzjani, il-Kummissjoni Ewropea diġà wegħdet parti kbira mill-fondi tagħha lil dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet.

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli