Mogħdija tan-navigazzjoni

L-għanijiet tal-iżvilupp tal-millennju: wasal iż-żmien li ningranaw - 21/04/2010

Afrikan juża bandiera tal-UE bħala kappa © EC

Rakkomandazzjonijiet dwar kif il-pajjiżi tal-UE jistgħu jilħqu l-wegħdiet tagħhom għall-ġlieda kontra l-ġuħ, il-faqar u l-mard.

Il-Kummissarju għall-Iżvilupp qal li l-pajjiżi tal-UE għandhom jonfqu iktar biex jgħinu lill-foqra fid-dinja, filwaqt li ħeġġiġhom ifasslu pjanijiet annwali biex iżidu l-għajnuna għall-iżvilupp u jużaw il-flus b'mod iktar effettiv.

Il-pjanijiet għandhom ikunu realistiċi u li jistgħu jiġu verifikati, qal il-Kummissarju Andris Piebalgs meta ppreżenta r-rakkomandazzjonijiet tal-UE dwar kif il-pajjiżi jistgħu jilħqu l-għanijiet tal-iżvilupp Englishespañolfrançais adottati mill-istati membri tan-NU għaxar snin ilu.

Il-Kummissjoni tirrakomanda li l-pajjiżi jissottomettu l-pjanijiet il-ġodda tagħhom qabel is-samit tan-NU ta' dis-sena dwar l-għanijiet tal-iżvilupp. Il-mexxejja tad-dinja huma mistennija jagħmlu impenji ġodda biex jiġġieldu kontra l-ġuħ, il-faqar u l-mard fil-laqgħa f'Settembru.

"L-Ewropa għandha tibqa' l-mexxej ewlieni u l-iktar kredibbli fil-ġlieda kontra l-faqar", huwa qal. "Għandna nżommu l-wegħdiet tagħna għal iktar għajnuna aħjar".

L-UE hi l-ikbar donatur tal-għajnuna fid-dinja, b'iktar min-nofs l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp.

Wara żieda kbira fl-għajnuna għall-iżvilupp fl-2008, l-UE nefqet inqas fl-2009, meta bdiet il-kriżi finanzjarja li wasslet għall-agħar reċessjoni f'dawn l-aħħar għexur ta' snin. B'kollox, il-pajjiżi membri provdew €49 biljun f'għajnuna lill-ifqar pajjiżi tad-dinja - madwar 0.4% tad-dħul gross tal-blokk. Il-pajjiżi tal-UE wegħdu li jżidu l-għajnuna għal 0.7% tad-dħul gross tagħhom sal-2015.

Rakkomandazzjonijiet oħra tal-UE - miġbura fi pjan ta' azzjoni fi 12-il punt - jinkludu metodi innovattivi ta' finanzjament u iktar azzjoni kontra l-evażjoni tat-taxxi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

L-għan ewlieni tal-millennju - adottat mill-pajjiżi tan-NU fl-2001 - hu li jkun hemm tnaqqis b'50% tal-proporzjon tal-persuni madwar id-dinja li jgħixu fil-faqar estrem, b'inqas minn $1.25 kuljum. Skont din id-definizzjoni, is-sehem għandu jonqos minn 42% għal 21% abbażi l-livell tal-faqar tal-1990, li hu l-punt ta' referenza.

Fl-2005, id-dinja kienet miexja fit-triq lejn il-kisba ta' dan l-għan, minkejja d-differenzi kbar bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi. Skont iċ-ċifri tal-Bank Dinji, 1.4 biljun persuna - 26% tal-popolazzjoni globali - kienu qed jgħixu fil-faqar estrem f'dak iż-żmien.

Iżda minn dak in-nhar 'l hawn il-kriżi ekonomika u ż-żiena fil-prezzijiet tal-ikel u tal-fjuwil reġgħu tefgħu lil miljuni ta' nies fil-faqar. U minkejja l-kisbiet f'diversi oqsma, il-progress f'oqsma oħra - bħall-ġuħ u s-sanità - kien kajman.

L-aktar li kisbet kienet iċ-Ċina. L-Afrika Sub-Saħarjana hi waħda mir-reġjuni li qed tbati l-iktar.

 

Il-pjan ta' azzjoni tal-UE favur l-appoġġ lill-għanijiet tal-iżvilupp tal-millennju Englishfrançais

Aktar dwar l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE Englishfrançais

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli