Mogħdija tan-navigazzjoni

Ħafna tined temporanji fil-Ħaiti © European Union - Ritratt minn ECHO/Susana Perez Diaz

Il-Kummissjoni titlob €90 miljun oħra bħala għajnuna għall-pajjiż milqut mit-terremot. Dawn għandhom joħorġju mill-fondi għall-emerġenza tal-UE.

Iktar minn xahar wara li t-terremot ħalla ħerba f'pajjiżhom, kważi miljun Ħaitjan qed jgħixu fit-tined u f'kenn temporanju. Dawn mhumiex il-kundizzjonijiet ideali għall-istaġun tax-xita u l-uragani li qed joqorbu.

"Il-prijorità ewlenija hi li nipprovdu saqaf għal dawn in-nies", qalet Kristalina Georgieva, il-kap il-ġdid tal-UE għall-affarijiet umanitarji. "U jrid ikun saqaf li jirreżisti l-maltempati tal-Karibew."

Il-Kummissjoni talbet lill-Parlament u lill-Kunsill biex japprovaw il-ġbid ta' €90 miljun mill-fondi għall-emerġenza tal-UE biex jiġu pprovduti l-kenn u l-kura tas-saħħa, bżonn urġenti ieħor għal ħafna superstiti li jridu jirkupraw minn korrimenti gravi.

Jekk dan l-ammont jiġi approvat, b'dawn il-flus ġodda l-pakkett ta' għajnuna tal-UE lill-Ħaiti jilħaq €609 miljuni. Dan jinkludi kontribuzzjonijiet minn pajjiżi individwali tal-UE, li għadhom jiżdiedu. Iktar kmieni din il-ġimgħa, Franza wiegħdet €230 miljun oħra f'għajnuna ġdida lill-Ħaiti.

L-UE se tibgħat ukoll 300 pulizija militari fil-Ħaiti biex jgħinu fil-bini tal-kenn. Franza, l-Italja, Spanja, il-Portugall u l-Pajjiżi l-Baxxi qed jikkontribwixxu għall dan l-isforz.

Dan tħabbar ix-xahar li għadda b'respons għat-talba min-NU. Inizjalment il-missjoni tagħhom kienet li jgħinu lill-forzi tan-NU jżommu l-ordni fil-pajjiż, iżda b'mod ġenerali s-sitwazzjoni baqgħet kalma.

Mijiet ta' esperti tal-UE qegħdin fil-Ħaiti u qed jikkoordinaw it-tqassim tal-ikel, il-mediċini, il-gverti, it-tined, l-ilma u l-fjuwil. L-għajnuna qed titqassam permezz tan-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet imsieħba oħra tal-UE. Ngħidu aħna, b'dawn il-flus is-Salib l-Aħmar Finlandiż fetaħ klinika medika mobbli u l-grupp Brittaniku Oxfam forna ilma nadif kuljum lil 15,000 Ħaitjan.

Il-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs qal li dalwaqt se jżur il-Ħaiti. Il-prijorità tiegħu se tkun li l-gvern isir għal kollox operattiv.

It-terremot tax-xahar li għadda qatel iktar minn 200,000 persuna u kkawża biljuni ta' ewro f'danni. Hi skedata konferenza tad-donaturi fi New York f'Marzu.

Aktar dwar l-għajnuna umanitarja tal-UE lill-Ħaiti. Englishfrançaisespañol

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli