Mogħdija tan-navigazzjoni

Il-Presidenza Daniża trid tħejji l-Ewropa għall-ġejjieni - 03/01/2012

Il-logo tal-presidenza Daniża 2012

Id-Danimarka tieħu t-tmun tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mill-1 ta' Jannar 2012. Tixtieq tgħaqqad u ssaħħaħ l-Ewropa, li llum qed tħabbat wiċċha ma' sfidi kbar.

Id-Danimarka se tieħu f'idejha l-presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel nofs tal-2012 fi klima diffiċli. Flimkien mal-Istati Membri l-oħra u l-istituzzjonijiet Ewropej, id-Danimarka tixtieq li toħroġ lill-Unjoni mill-kriżi ekonomika u terġa' tqiegħdha fit-triq li twassal għat-tkabbir ekonomiku.

L-erba' prijoritajiet kbar tal-gvern Daniż jikkonċernaw l-ekonomija, it-tkabbir ekonomiku, l-ambjent u s-sigurtà.

Ewropa responsabbli

Il-presidenza Daniża trid tikkonkretizza d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru biex tissaħħaħ id-dixxiplina baġitarja u tistbbilizza l-ekonomija.

Din se tara wkoll li l-miżuri dwar il-governanza ekonomika jiġu implimentati u se ssegwi l-ewwel evalwazzjoni tas-semestru Ewropew tal-baġits nazzjonali. Biex tevita kriżijiet ġodda, l-aċċellerazzjoni tar-riformi għal regoli iktar stretti tas-settur finanzjarju hija fuq l-aġenda.

Id-diskussjonijiet dwar il-baġit tal-Unjoni tal-2014-2020 għandhom jimxu 'l quddiem sew, biex jingħalqu qabel it-tmiem tal-2012.

Ewropa dinamika

Għan ewlieni ieħor tal-presidenza Daniża hu li tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Se jkun hemm enfasi fuq is-suq uniku, li se jagħlaq 20 sena fl-2012. Għad hemm bżonn ta' riformi biex l-impriżi u ċ-ċittadini Ewropej igawdu minnu għal kollox. Id-Danimarka intrabtet li se taħdem fuq tnax-il azzjoni ewlenin iddefiniti mill-Kummissjoni fl-Att tagħha dwar is-suq uniku.

Tixtieq ukoll tiftaħ opportunitajiet ġodda għall-impriżi Ewropej, speċjalment permezzz ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-Ġappun, l-Indja, il-Kanada u t-Tuniżija.

Ewropa ekoloġika

Il-presidenza Daniża tixtieq tqiegħed it-tkabbir ekoloġiku u sostenibbli fil-qalba tal-programm tagħha u tara li l-Unjoni tikkonserva t-tmexxijja fl-indirizzar ta' kwistjonijiet tal-ambjent, tal-enerġija u tal-klima fil-livell dinji.

Il-proposta għal direttiva dwar l-effiċjenza tal-enerġija, l-istrateġija għall-enerġija sal-2050 u s-seba' programm ta' azzjoni ambjentali jinsabu wkoll fil-lista ta' prijoritajiet tad-Danimarka u biħsiebha taħdem biex dawn jagħmlu progress.

Ewropa sikura

Fil-kuntest tal-avvenimenti ta' dan l-aħħar fl-Afrika ta' Fuq u l-wasla ta' ħafna immigranti fl-Ewropa, il-presidenza Daniża tixtieq ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni. Tixtieq b'mod partikolari tiffinalizza s-sistema dwar il-kenn politiku Ewropew u ssaħħaħ is-sistema tal-moviment liberu tal-persuni fiż-żona Schengen.

Fl-aħħar nett, dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka hi impenjata li tmexxi 'l quddiem in-negozjati mal-Islanda u t-Turkija, u li ttemm id-diskussjonijiet mal-Montenegro u tiffinalizza dawk dwar l-applikazzjoni tas-Serbja.

Il-Presidenza Daniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea danskDeutschEnglishfrançais

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli