Mogħdija tan-navigazzjoni

Twassil tat-tiġdid Ewropew - 27/12/2011

Il-Kwartieri Ġenerali tal-Kummissjoni – il-bini ta' Berlaymont – b'banner dwar il-governanza ekonomika © EU

Is-suġġerimenti tal-Kummissjoni għall-2012 se jimmiraw lejn it-tkabbir ekonomiku, ir-riforma fis-settur finanzjarju u li l-UE tingħata vuċi effettiva fil-livell dinji.

B'kollox, 129 inizjattiva ġdida English huma ppjanati għas-sena d-dieħla, iżda se jkun hemm enfasi qawwija wkoll biex javvanza dak li diġà ġie adottat jew li jinsab imħejji.

Il-prijorità ewlenija se tkun li jkun implimentat malajr pakkett ta' proposti biex terġa' tinkiseb il-fiduċja fl-ekonomija Ewropea, flimkien ma' miżuri ġodda biex ikunu ffaċċjati l-prospetti attwali diffiċli tal-ekonomija.

Riforma fis-settur finanzjarju

B'regoli proposti li diġà tressqu dwar id-derivattivi, l-aġenziji li jistabbilixxu l-valur tal-kreditu, ir-rekwiżiti tal-kapital u r-rimedjar tal-abbuż fis-suq, il-Kummissjoni se tiffoka fl-2012 fuq it-tlestija tar-riformi. Valutazzjoni tal-impatt tal-passi li ttieħdu se titħabbar ukoll pubblikament.

Miżuri ġodda se jiffokaw fuq il-fiduċja tal-investituri. Dawn għandhom jinkludu pjanijiet biex jintemmu r-refuġji fiskali, biex tkun żviluppata sistema moderna għall-VAT ħalli tkun missielta l-frodi u biex titnaqqas il-burokrazija għan-negozji ż-żgħar. Bl-iskop li jkunu protetti l-flus tal-kontributuri tat-taxxa, se titressaq ukoll proposta biex jitħarsu mill-frodi l-attivitajiet ta' finanzjament tal-UE.

Tħeġġiġ tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien tal-impjiegi

B'integrazzjoni ekonomika akbar bħala waħda mill-imfietaħ għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa, b'mod partikulari se jkun hemm enfasi fuq it-tnax-il proposta ewlenin tal-Att dwar is-Suq Uniku tal-UE, maħsubin biex jgħinu lill-pajjiżi tal-UE jiffaċċjaw l-isfidi soċjali u ekonomiċi attwali u biex jitħaffef l-irkupru mill-kriżi finanzjarja dinjija.

Se jkunu ssuġġeriti wkoll pjanijiet biex żgħażagħ li jkunu qed ifittxu x-xogħol ikunu jistgħu jiċċaqalqu madwar l-Ewropa b'mod aktar faċli, flimkien ma' riforma tas-Servizz tal-Impjiegi Ewropej biex jittejjeb l-aċċess għall-impjiegi bejn il-fruntieri. Regoli ġodda se jagħmluha wkoll eħfef li jkunu trasferiti l-pensjonijiet meta jiċċaqalqu l-impjiegi.

L-UE fuq il-palk dinji

L-attenzjoni se tkun iffokata fuq l-istrateġija l-ġdida DeutschEnglishfrançais tal-UE għar-relazzjonijiet mal-ġirien tagħha. Din il-politika għandha l-għan li tippromwovi l-iżvilupp paċifiku u prosperu fil-Lvant tal-Ewropa u fit-Tramuntana tal-Afrika.

L-isfidi li t-Tramuntana tal-Afrika ffaċċjat din is-sena enfasizzaw il-ħtieġa ta' strateġija komuni għall-asil u l-kontroll mal-fruntieri. Se titressaq strateġija ġdida biex ma jitħalliex isir traffikar tal-bniedem, flimkien ma' pjanijiet biex ikunu mmodernizzati l-verifiki mal-fruntieri.

Aktar 'il bogħod mix-xtut Ewropej se jkun studjat kemm ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Ġappun kif ukoll ftehim ta' investiment maċ-Ċina. Se tkompli wkoll il-ħidma għat-tkabbir tal-UE, bil-bidu tal-preparazzjonijiet biex tingħata merħba l-Kroazja bħala t-28 stat tal-UE.

Programm ta' ħidma tal-Kummissjoni 2012

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli